Għall-ħames xahar konsekuttiv, Malta kompliet iżżomm postha ma’ pajjiżi fl-Unjoni Eworpea bl-inqas rati ta’ qgħad.
Dan joħroġ mill-aħħar statistika ppubblikata mill-uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat li turi li f’Mejju li għadda, Malta kellha l-ħames l-inqas rata ta’ qgħad fost il-pajjiżi kollha Ewropej.
Ir-rata ta’ qgħad f’Malta kienet ta’ 3.5% li hija 0.4% inqas minn kemm kienet fl-istess xahar is-sena li għaddiet.
L-uniċi pajjiżi li kellhom rati inqas minn ta’ pajjiżna kienu l-Ungerija, l-Olanda, il-Ġermanja u r-Repubblika Ċeka.
Min-naħa l-oħra, il-Greċja, Spanja u l-Italja kellhom l-ogħla rati ta’ persni jfittxu xogħol fl-Unjoni Ewropea.
B’rata ta’ 10.3 fil-mija, joħroġ ukoll li qgħad fost iż-żgħażagħ Maltin ta’ taħt il-25 sena kien fost l-inqas fost iż-żgħażagħ Ewropej.
L-istatistika tal-Eurostat issegwi statistiċi oħrajn importanti ppubblikati fl-aħħar jiem li juru li għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna l-għadd ta’ persuni jfittxu xogħol naqas taħt l-1,700 ruħ.
L-aħħar stġarriġ tal-Labour Force Survey wera wkoll li l-għadd ta’ ħaddiema fis-suq tax-xogħol f’Malta laħaq iċ-ċifra rekord ta’ aktar minn 241,000 ruħ.
Konferma li l-ekonomija Maltija qed tkompli toħloq aktar impjiegi b’mod b’saħħtu fis-settur privat.