Il-qorti laqgħat proviżorjament il-mandat ta’ inibizzjoni li għamlet dalgħodu l-Air Malta biex twaqqaf lill-unjin tal-piloti l-ALPA u lill-kumitat eżekuttiv tagħha milli jkompli bl-azzjonijiet illegali li ħadet mat-tokki ta’ nofsilejl biex il-membri tagħha jittardjaw it-titjiret kollha tal-Air Malta b’nofs siegħa.
Fl-ewwel sebgħa sigħat mindu bdiet bl-azzjonijiet industrijali, intlaqtu tnax-il titjira u mijet ta’ passiġġieri f’għadd ta’ ajruporti.
L-azzjonijiet industrijali tal-ALPA bdew wara li l-Gvern irrifjuta li jilqa’ t-talba tal-bdoti li jagħti garanzija ta’ pakkett finanzjarju ta’ seba’ mitt elf ewro bħala parti mill-iskema tal-irtirar għall-piloti ta’ 55 sena li tkun estiża wkoll għall-bdoti kollha anke jekk l-Air Malta tfalli.
Fi stqarrija, l-Air Malta esprimiet id-diżappunt tagħha għal dawn l-azzjonijiet industrijali u qalet li mindu ġie ffirmat il-ftehim kollettiv fil-bidu tas-sena li għaddiet, l-Air Malta kienet f’diskussjonijiet twal u diffiċli mal-ALPA dwar l-interpretazzjonijiet ta’ dan il-ftehim u kwistjonijiet oħrajn.
L-Air Malta qalet li pprovat issib soluzzjoni għal kull kwistjoni li tqajmet, iżda l-ALPA baqgħet kontinwament turi nuqqas ta’ rieda tajba biex tassigura relazzjonijiet industrijali tajbin.
Il-linja tal-ajru żiedet tgħid li wara diskussjonijiet li ħadu 18-il xahar u fost bost spidi, inkluż theddid ta’ azzjonijiet industrijali mill-bdoti nfushom, il-Ġimgħa li għadda, l-Air Malta u l-AlPA laħqu kompromess dwar il-kwistjonijiet kollha pendenti.
Madankollu dan kollu sfuma fix-xejn meta waqt il-laqgħa, l-ALPA ddikjarat li jekk il-Gvern ma jaċċettax li jagħti l-garanziji li kienet qed titlob, kienet se tieħu azzjonijiet industrijali mill-1 ta’ Lulju, proprju fl-eqqel tal-istaġun tas-sajf.
Il-kumpanija żiedet tgħid li waqt li tirrispetta d-dritt ta’ azzjoni industrijali, l-Air Malta ma tistax iġġorr il-konsegwenzi ta’ dan in-nuqqas ta’ ftehim bejn l-impjegati tagħha u l-azzjonist tagħha.
Żiedet tgħid li l-Air Malta ddedikat ir-riżorsi tagħha għal xhur sħaħ biex jintlaħaq ftehim u kien biss fl-aħħar sigħat li skopriet li hekk kif intlaħaq ftehim, lanqas dan ma kien biżżejjed għall-ALPA.
Żied jingħad li t-talba tal-ALPA l-anqas biss tikkwalifika bħala azzjoni industrijali. L-Air Malta żiedet li l-ALPA naqset ukoll milli tagħti perjodu xieraq ta’ avviż għall-azzjonijiet tagħha hekk kif stipulat fil-ftehim kollettiv.
Bil-għan li tħares id-drittijiet tagħha, l-operazzjonijiet u biex tevita inkonvenjenti lill-klijenti tagħha, l-Air Malta qalet li talbet lill-qorti biex twaqqaf lill-ALPA u lill-membri tagħha milli jkomplu bl-azzjonijiet illegali .
L-Air Malta wissiet li qiegħda tikkwantifika d-danni li qed iġġarrab b’konsegwenza ta’ dawn l-azzjonijiet illegali u se tfittex li tirkuprahom minn fuq il-piloti.
B’reazzjoni, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi tenna li flus il-poplu mhux se jintużaw biex jiggarantixxu pakkett ta’ €700,000 għal kull pilota f’każ li l-Air Malta tfalli.
Court has temporarily stopped industrial action by pilots. Pilots’ Union demands for taxpayer-funded retirement scheme guarantee of 700,000 euro per pilot will NOT be entertained by @MaltaGov.
— Konrad Mizzi (@KonradMizzi) July 1, 2019
Air Malta requested the court to stop ALPA from taking illegal action. Taxpayer funds will NOT guarantee retirement packages of 700,000 euros for each pilot. @AirMalta
— Konrad Mizzi (@KonradMizzi) July 1, 2019
http://www.one.com.mt/2019/07/01/dirett-il-ministru-konrad-mizzi-dwar-l-ahhar-zviluppi-fl-air-malta/