Bejn nofsillejl u s-sebgħa ta’ filgħodu, 12-il titjira tal-Air Malta kienu affettwati mill-azzjonijiet industrijali li ordnat il-unjin tal-bdoti – l-ALPA.
Dawn it-titjiriet tal-Air Malta bdew jittardjaw b’nofs siegħa.
Dan seħħ wara li l-ALPA, l-Unjin tal-piloti tal-linja tal-ajru l-Air Malta, ordnat lill-membri tagħha biex jittardjaw it-titjiriet kollha tal-Air Malta b’nofs siegħa mill-llum.
Dan b’theddida dwar garanzija li kienet qed tistenna li jagħti l-Gvern dwar skema ta’ rtirar kmieni li minnha kull bdot jirċievi €700,000 fl-età ta’ 55 sena.
Filfatt skond is-sit uffiċjali tal-Ajruport Malti, it-titjiriet ta’ filgħodu kmieni għal Londra, Ruma u Amsterdam kienu kollha skedati li jtiru nofs siegħa tard, filwaqt li iktar titjiriet lejn Munich, Tel Aviv u Berlin jidher ukoll li ser jittardjaw.
Intant ilbieraħ l-Air Malta fi stqarrija esprimiet id-diżappunt tagħha għal dawn l-azzjonijiet industrijali u qalet li mindu ġie ffirmat il-ftehim kollettiv fil-bidu tas-sena li għaddiet, l-Air Malta kienet f’diskussjonijiet twal u diffiċli mal-ALPA dwar l-interpretazzjonijiet ta’ dan il-ftehim u kwistjonijiet oħrajn.
L-Air Malta qalet li pprovat issib soluzzjoni għal kull kwistjoni li tqajmet, iżda l-ALPA baqgħet kontinwament turi nuqqas ta’ rieda tajba biex tassigura relazzjonijiet industrijali tajbin.
http://www.one.com.mt/2019/06/30/il-gvern-mhux-se-jcedi-ghall-pressjoni-tal-unjin-tal-bdoti/