Il-Ministru Konrad Mizzi sostna li kull min hu involut fil-qasam turistiku f’Malta jaqbel li l-Air Malta għandha tkompli tikber.
F’messaġġ fuq Facebook, il-Ministru Mizzi qal li hawn konsensus dwar l-istrateġija tal-Air Malta li tkompli tkabbar il-flotta, jiżdiedu r-rotot, issaħħaħ il-finanzi u tiġi fuq saqajha.
Madankollu qal li l-unjin tal-bdoti l-ALPA qed tippretendi l-impossibbli mingħand il-Gvern. Qal li fl-2012, il-Gvern Nazzjonalista kien ta’ skema tal-irtirar kmieni lill-piloti li jagħlqu l-55 sena jistgħu jieħdu €700,000 u jitilqu l-kumpanija.
Il-Ministru Mizzi qal li issa l-Assoċjazzjoni tal-Piloti qed titlob lill-Gvern jagħti garanzija li jekk l-Air Malta tfalli, xorta waħda jieħdu s-€700,000.
Dr Mizzi sostna li waqt li huwa konvint li l-Air Malta se tibqa’ teżisti għax il-Gvern qed ikompli jkabbarha, qal li t-talba tal-piloti mhix aċċettabbli.
Sostna li l-uniku triq biex l-Air Malta tkompli tikber hija li l-ALPA u dawk kollha involuti jiġbdu l-istess ħabel.
Qal li l-Gvern mhux se jċedi għall-ebda rikatt u għamilha ċara li l-Gvern mhu se jagħti l-ebda garanziji li ma jistax jagħtihom. Qal li l-Gvern se jibqa’ jħares lejn l-għażliet kollha u waqt li se jaħdem biex l-Air Malta tkompli tikber, l-ekonomija ta’ pajjiżna hija aktar importanti. Qal li jekk l-Air Malta ma tkunx f’pożizzjoni li tkabbar, il-Gvern għandu l-faċilità tal-Med Air, kumpanija tal-ajru oħra li għandu l-Gvern.