Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qed jaffaċja messaġġi mimlijin kritika ħarxa lejh u lejn il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil.
Azzopardi, membru ewlieni fil-fazzjoni ta’ Busuttil u spalla ta’ Busuttil, żvela dan f’sensiela ta’ screenshots li ppublika fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook.
Azzopardi qal li dawn il-messaġġi nkitbu fuq grupp sigriet immexxi minn membri tal-fazzjoni tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
Fost il-messaġġi kien hemm “Dr. Azzopardi go to hell”.
Partitarju ieħor ta’ Delia qal lil Azzopardi li għandu jkun hu li jwarrab u li jekk ma jagħmilx dan, se jwarrbu huma.
Oħrajn kitbu kif tqażżew b’Azzopardi filwaqt li saħansitra kien hemm min irrikorra għal kliem oxxen biex jesprimu ruħhom dwar Azzopardi.
Partitarji oħra stiednu lil Azzopardi u lil fazzjoni ta’ Busuttil biex imorru jinħbew, u għajru lil Azzopardi purċinell.
Azzopardi kkummenta li dawn il-messaġġi li nkitbu matul dawn l-aħħar erbat’ ijiem nkitbu fi grupp amministrat minn kunsilliera li qed jitħallew jagħmlu dan mill-Kap.
Staqsa jekk hemmx min jimmaġina li taħt Eddie Fenech Adami, Lawrence Gonzi jew Simon Busuttil kienx se jiġi permess li pjattaforma Nazzjonalista tintuża biex jiġu attakkati deputati Nazzjonalisti stess.
Għal dan ireaġġixxew diversi partitarji tal-fazzjoni ta’ Busuttil fejn fost l-oħrajn esprimew l-appoġġ tagħhom għal Azzopardi.
Oħrajn qalu li hemm min skada wara inqas minn għoxrin xahar, b’referenza għal Delia u t-tmexxija tiegħu.
Iżda hawn ukoll ikkummentaw għexjieren ta’ partitarji ta’ Delia, fejn kien hemm min kiteb li taħt kapijiet preċedenti ma kienx se jkun hemm deputati li jagħmlu ħsara lill-Kap u li jittama li Azzopardi u sħabu jitħallew l-art fl-elezzjoni li ġejja.