L-Unjin tal-piloti tal-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta, l-ALPA ordnat lill-membri tagħha biex jittardjaw it-titjiriet kollha tal-Air Malta b’nofs siegħa mill-ewwel ta’ Lulju.
L-ALPA tat din it-theddida industrijali dwar garanzija li kienet qed tistenna li jagħti l-Gvern dwar skema ta’ rtirar kmieni li minnha kull bdot jirċievi €700,000 fl-età ta’ 55 sena.
Fi stqarrija l-Air Malta esprimiet id-diżappunt tagħha għal dawn l-azzjonijiet industrijali u qalet li mindu ġie ffirmat il-ftehim kollettiv fil-bidu tas-sena li għaddiet, l-Air Malta kienet f’diskussjonijiet twal u diffiċli mal-ALPA dwar l-interpretazzjonijiet ta’ dan il-ftehim u kwistjonijiet oħrajn.
L-Air Malta qalet li pprovat issib soluzzjoni għal kull kwistjoni li tqajmet, iżda l-ALPA baqgħet kontinwament turi nuqqas ta’ rieda tajba biex tassigura relazzjonijiet industrijali tajbin.
Il-linja tal-ajru li matul is-sena li għaddiet, irreġistrat l-ewwel surplus operattiv, żiedet tgħid li għadha impenjata li ssib soluzzjoni għal kull kwistjoni li l-unjin seta’ għandha waqt li tħares is-safar tal-klijenti tagħha, l-iskeda ta’ titjiret u fuq kollox is-sigurtà tal-passiġġieri.
L-Air Malta insistiet ukoll li l-interess ta’ sezzjoni waħda tal-kumpanija ma jistax jhedded is-sostenibbiltà u l-operazzjonijiet tal-linja tal-ajru b’detriment għall-kumpanija u l-impjegati tagħha.
Saħqet li hija impenjata li tħares l-operazzjonijiet tagħha waqt li taħdem fuq il-pjan tagħha li ttejjeb ir-rotot u l-frekwenzi għal ċentri ewlenin biex ittejjeb il-prodott tagħha.
B’reazzjoni l-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi qal li l-Gvern mhux se jċedi għall-pressjoni li qed tagħmel l-unjin tal-bdoti l-ALPA biex jipprovdi garanziji li fisser bħala redikoli għall-iskemi tal-irtirar kmieni.
Waqt li għamilha ċara li mhu se jħalli l-ebda interessi personali jmorru kontra l-interess nazzjonali, fakkar li fi żmien Gvern Nazzjonalista l-Air Malta kienet tat skema ta’ rtirar kmieni lill-piloti biex ikunu jistgħu jirtiraw ta’ 55 sena u jieħdu pakkett ta’ kważi 700,000 ewro kull wieħed. Qal li issa l-Unjin tal-Piloti qed tippretendi li l-Gvern jagħti garanzija li dawn il-flus joħduhom jiġri x’jiġri mill-Air Malta.
Il-Ministru Mizzi qal li l-Gvern hu kommess li l-Air Malta tkun suċċess, iżda qal li mhu ser jagħtu l-ebda rigali a skapitu tal-kumpanija.
“Jekk il-piloti iridu li jkollhom garanzija għall-futur, soluzzjoni waħda hemm: li jaħdmu flimkien mal-maniġment u mat-tim kollu f’direzzjoni waħda ‘il quddiem li twassal lill-kumpanija biex tikber u tirnexxi”, qal Dr Mizzi.
Sostna li l-Gvern filwaqt li se jassigura li Malta tibqa’ dejjem ikollha linja nazzjonali, mhu se jaċċetta l-ebda rikatti mingħand ħadd.
Pilots ordered industrial action to delay flights as from midnight. Government will NOT bow to pressure and provide ridiculous guarantees on Early Retirement Schemes.
— Konrad Mizzi (@KonradMizzi) June 30, 2019
http://www.one.com.mt/2019/06/30/mhux-se-nippermettu-l-interess-ta-gruppi-jxekklu-l-air-malta-konrad-mizzi/