Raġel ta’ 69 sena miż-Żejtun instab mejjet fil-bajja ta’ St. Peter’s Pool, f’Marsaxlokk.
Ir-raġel intlemaħ f’wiċċ il-baħar fil-bajja għall-ħabta tal-erbgħa u kwart ta’ waranofsinhar, u mhux eskluż li l-vittma inġarr bil-kurrent qawwi tal-baħar. one.com.mt jinsab informat li fuq il-katavru ma nstabu l-ebda sinjali ta’ vjolenza. Madankollu se tkun l-awtopsja li tiddetermina l-kawża tal-mewt tiegħu.
Il-katavru tiegħu ntlemaħ minn żgħażagħ li ħadu l-qatgħa ta’ ħajjithom hekk kif rawh dieħel mal-kurrent. Huma taw l-ewwel għajnuna lir-raġel sa ma waslu fuq il-post timijiet mediċi mill-Isptar Mater Dei u membri mill-Soċjeta tas-Salib l-Aħmar. Fuq il-post kien hemm ukoll membri tal-Protezzjoni Ċivili u membri tal-Pulizija.
It-timijiet mediċi damu madwar nofs siegħa jagħtu l-għajnuna lill-vittma izda aktar tard kien iċċertifikar mejjet.
Il-Maġistrat tal-Għassa, Joe Mifsud ħatar inkjesta maġisterjali, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-pulizija mmexxija mill-Ispettur Melvyn Camilleri għadha għaddejja bl-istħarriġ tagħha dwar il-każ .