L-eks kandidat Nazzjonalista u l-wiċċ tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil Ivan Bartolo ma ħallasx it-tessera għal dan l-aħħar sentejn u rregolarizza l-pożizzjoni tiegħu biss wara li ppreżenta il-petizzjoni b’200 firma biex jissejjaħ Kunsill Ġenerali straordinarju.
Ikkonfermaw dan sorsi fi ħdan il-Partit Nazzjonalista mas-sit tal-gazzetta Illum, fejn qalu li Bartolo ħallas it-tessera wara li ndirizza l-konferenza tal-aħbarijiet quddiem id-Dar Ċentrali.
Bartolo ma weġibx meta mistoqsi mill-Illum dwar dan.
Is-sit qal ukoll li apparti Bartolo, anke s-Segretarju Ġenerali tal-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista, Emma Portelli Bonnici u l-Viċi President tal-Forum tal-Professjonisti tal-PN, Martin Musumeci, ħallsu t-tessera tagħhom wara li ġiet ippreżentata l-petizzjoni.
Fi stqarrija il-Partit Nazzjonalista kien qal li l-petizzjoni ppreżentata nhar l-Erbgħa minn Ivan Bartolo kontra l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia kien fiha 84 firma li kienu jinkludu 28 firma invalida u bosta oħra minn kunsillieri li kellhom it-tessera skaduta.