Inawgurata faċilità sportiva ġdida għat-tennis f’Kerċem b’investiment ta’ €100,000 – One News

Notifiki

Inawgurata faċilità sportiva ġdida għat-tennis f’Kerċem b’investiment ta’ €100,000

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana inawgurat faċilità sportiva ġdida f’Kerċem għal dawk li jipprattikaw it-tennis f’Għawdex. Spjegat li permezz ta’ dawn il-faċilitajiet ġodda u moderni se jkompli jisseddaq l-isport tat-tennis u sports ieħor prattikat f’Għawdex.

Il-Ministru Caruana qalet li l-Ministeru għal Għawdex impenjat biex ikompli jinvesti fl-isports u fil-faċilitajiet sportivi għax jemmen fit-talent Għawdxi u fl-investiment li hemm bżonn isir biex ikollna faċilitajiet adattati f’Għawdex stess. Kien għalhekk li dan il-gvern, matul din il-leġiżlatura, impenjat li jwettaq il-proġett tal-pixxina, li jsiru xogħlijiet sostanzjali fl-isports complex u fix-shooting range fiż-Żebbuġ u f’Ulysses Grove fost l-oħrajn.

Il-Ministru Caruana qalet li dan il-pitch il-ġdid tat-tennis, li ħa post sit li qabel kien jintuża bħala parkeġġ illegali, hu ta’ qisien internazzjonali u mgħammar b’faċilitajiet tal-ogħla livell.

“Inxtrat anke magna apposta li tispara l-blalen għal min ma jkollux partner biex jilgħab kontrih u anke għat-taħriġ ta’ din il-logħba. B’kollaborazzjoni mal-Gozo Sports Board qed issir ħidma kbira biex dan l-isport jitkattar ukoll fost it-tfal u ż-żgħażagħ.

Is-CEO tal-Gozo Sports Board Alvin Grech qal li l-ħolma tad-dilettanti tat-tennis f’Għawdex issa saret realtà grazzi għall-ħidma tal-Ministeru għal Għawdex. Żied li permezz tal-Gozo Sports Board għaddejja ħidma biex aktar attivitajiet sportivi jiġu organizzati madwar Għawdex kollu.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend