Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li fl-ewwel ħames xhur tas-sena, in-nefqa kapitali tal-Gvern żdiedet bi kważi ħamsin miljun ewro meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet u laħqet il-mija u tmenin miljun ewro.
L-NSO qal li żieda fin-nefqa kapitali marret għal investiment akbar fit-toroq ta’ pajjiżna u għal inċentivi għall-investiment fost inizjattivi oħrajn.
L-uffiċċju tal-istatistika żied jirrapporta li d-differenza bejn id-dħul u l-ħruġ tal-Gvern fl-ewwel ħames xhur tas-sena kienet ta’ ftit aktar minn sebgħa u sittin miljun ewro, jiġifieri għaxar miljun u ħames mitt elf ewro anqas minn kemm kienet fl-istess perjodu s-sena li għaddiet.
Fl-istess waqt l-imgħaxijiet fuq id-dejn tal-pajjiż kienu jammontaw għal ftit aktar minn sitta u sebgħin miljun ewro, li jfisser tnaqqis ta’ tmien miljun u tmien mitt elf ewro meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet.