Franza rreġistrat l-ogħla temperatura fl-istorja tagħha, dik ta’ erbgħa u erbgħin gradi celsius punt tlieta, hekk kif is-sħana li ħakmet l-Ewropa diġà ħasdet numru ta’ ħajjiet.
Dan ir-rekord ġdid ġie rreġistrat f’Carpentras, li jinsab fin-Nofsinhar tal-pajjiż. Ir-rekord preċedenti kien ta’ żero punt tnejn gradi celsius inqas, u kien irreġistrat fl-elfejn u tlieta, waqt heatwave li qatlet eluf ta’ nies.
Is-Sindku ta’ Carpentras qal li l-iskejjel inżammu magħluqa filwaqt li l-uffiċjali qed jaraw li nies vulnerabbli ma jinsabux f’riskju.
Is-servizz Franċiż tat-temp ħareġ allert aħmar bla preċedent għal erba żoni. Dawn kollha jinsabu fin-Nofsinhar tal-pajjiż, iżda ħafna minn Franza tinsab fuq allert oranġjo, li huwa t-tieni l-ogħla livell.