F’jumejn 318-il sit ta’ kostruzzjoni komplew bix-xogħlijiet wara li l-periti rispettivi kkonfermaw li ma jeżisti l-ebda periklu.
Dan in-numru qed jikber b’rata mgħaġġla hekk kif iktar periti jifhmu li ma hemmx periklu f’ħafna mis-siti.
Ħabbar dan il-Ministru Ian Borg waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn ingħataw dettalji dwar l-aħħar żviluppi fir-riforma fil-qasam tal-bini u l-kostruzzjoni.
Il-Ministru Borg qal li l-Avviż legali ppublikat ma jivvintax ir-rota imma punt punt jiċċara xi jsir fejn hemm xi periklu. Dan sabiex dejjem tingħata prijorità lis-saħħa u s-sigurtà fis-sit u mal-proprjetà ta’ terzi. Saħaq li l-gvern m’huwiex se jabbanduna dan il-prinċipju.
Dr. Borg spjega wkoll li mill-publikazzjoni tal-avviż legali bdew deħlin numru ta’ method statements skond l-avviż legali b’sistema onlajn fuq is-sit tal-Awtorità tal-Ippjanar. Din l-istqarrija tispjega l-mod kif isir ix-xogħol ta’ demolizzjoni u skavar, biex imbagħad jibda perjodu ta’ ħmistax-il ġurnata għal kummenti mill-ġirien. Huwa xejjen għalkollox kritika li dawn l-istqarrijiet jieħdu x-xhur biex isiru.
Il-Ministru spjega wkoll li ttieħdet deċiżjoni konxja biex bennejja liċenzjati iżda li waqgħu lura fil-ħlasijiet tal-liċenzja jkollhom iċ-ċans jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom. Għexieren ta’ bennejja diġà għamlu dan.
Dr Borg ħabbar ukoll li bdiet il-ħidma sabiex ikun hemm reġistru ta’ min huma l-kuntratturi. Qal li l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi qed tikkopera għax dawn huma l-ewwel nies li jridu kuntratturi kompetenti u serji f’pajjiżna.
Saħaq ukoll li l-kamra tal-inġiniera kkonfermat li kien hemm inġiniera li jemmnu l-professjoni tagħhom hija kompetenti biex twettaq ix-xogħol ta’ site technical officer u li anka hemm gradwati tal-MCAST fil-baċċellerat tal-inġinerija tal-kostruzzjoni li lesti li jersqu ‘l quddiem bħala site technical officers.
Is-sigurtà fuq is-sit tibqa’ responsabilita tal-kuntrattur, qal Dr Borg. Ħadd m’hu qed ipoġġi piż fuq xi profesjonist jekk pereżempju l-krane jaħdimx jew le.
Il-Ministru Borg qal li qed tiġi ppublikata lista ta’ 9 mistoqsijiet u tweġibiet ħalli jiġu indirzati miconceptions u ineżattezzi dwar ir-riforma.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius qal li l-avviż legali kellu iktar minn 300 sottomissjoni dwaru u li meta mqabbel mal-abbozz tiegħu sar tibdil kbir. Dan huwa prova ta’ gvern li qed jisma’.
Saħaq ukoll li kien dan il-gvern li qed jieħu azzjoni b’liġijiet ġodda li jħarsu l-industrija u min imiss magħha.
Ħabbar li fi ftit jiem oħra se tiġi varata l-aġenzija tal-bini u l-kostruzzjoni.
Huwa temm billi qal li dan il-proċess kien hemm bżonnu għax kull min imiss ma’ din l-industrija ried iktar regolamentazzjoni.