Fl-ewwel tliet xhur tas-sena, il-ħaddiema fis-suq tax-xogħol żdiedu b’6.6% biex għall-ewwel darba fl-istorja laħqu rekord ta’ 241,468.
Dan joħroġ mill-aħħar stħarriġ dwar is-suq tax-xogħol, il-Labour Force Survey li jsir mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-istatistika.
L-istħarriġ wera li l-impjiegi bejn Jannar u Marzu li għadda żdiedu bi 14,917 meta mqabbel mal-istess tliet xhur tal-2018.
Minn dan l-istħarriġ jirriżulta wkoll li l-persuni meqjusa bla xogħol kienu jgħoddu ftit aktar minn tmint elf u tmin mija jew ftit aktar minn tnejn fil-mija.
L-istħarriġ juri wkoll li kompla jonqos id-distakk bejn in-numru ta’ ħaddiema rġiel u nisa tant li r-rata ta’ nisa attivi fis-suq tax-xogħol f’dan il-perjodu żdiedet b’aktar minn tlieta punt sebgħa fil-mija.
L-istħarriġ wera wkoll li bħala medja s-salarju bażiku annwali tal-ħaddiema f’Malta kien ta’ €19,390, jiġifieri €588 aktar mill-istess perjodu s-sena li għaddiet li kien jammonta għal €18,802. Is-salarji bħala medja jvarjaw bejn €35,584 fis-sena għall-managers għal €12,441 għal ħaddiema b’impjieg elementari.
L-istħarriġ ħares ukoll lejn il-livell edukattiv tal-ħaddiema Maltin. Hawnhekk joħroġ li komplew jiżdiedu dawk b’edukazzjoni f’livell terzarju li laħqu kważi wieħed u tletin fil-mija waqt li komplew jonqsu dawk b’livell baxx ta’ edukazzjoni.