Aġenzija ġdida kontra l-kriminalità finanzjarja  – One News

Notifiki

Aġenzija ġdida kontra l-kriminalità finanzjarja 

Il-Ministru tal-Finanzi, Edward Scicluna ħabbar numru ta’ tibdiliet li se jsiru sabiex tkompli tiħrax il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. 

Huwa ħabbar li se titwaqqaf aġenzija dwar il-kriminalita’ finanzjarja u uffiċju tal-prosekuzzjoni indipendenti fi ħdan il-korp tal-pulizija.

Il-prosekuzzjonijiet f’kazijiet ta ħasil ta’flus u finanzjament tat-terroriżmu se  jitmexxew mill-uffiċju tal-avukat ġenerali. Dan sabiex il-pulizija li jkunu ilhom jinvestigaw il-każ u wasslu għall-arrest tal-akkużat ma jkunux ukoll l-istess nies li jmexxu l-prosekuzzjoni.   Huwa ħabbar ukoll li se jissaħħaħ il-bureau għall-irkupru tal-assi li jiġu kkonfiskati jew iffriżati b’ordni tal-Qorti.

Il-Ministru Scicluna saħaq kif l-aġenzija kontra l-kriminalitá finanzjarja organizzata se tkun arma oħra għall-pajjiżna sabiex jinqabdu l-imħuħ wara din il-kriminalitá serja.

“Qed nitkellmu fuq kumpaniji barranin li jgħaddu mijiet ta’ miljuni ta’ dollari jew ewros mill-banek u allura dawn meta jinqabdu  u biex jinqabdu, irid ikollok nies ta’ esperjenza u expertise għolja, ħalli jkunu kapaċi jlaħħquha ma’ dawn l-imħuħ ħalli jwassluhom imbagħad biex, iwassluhom sal-Qorti.” 

Il-Ministru saħaq li pajjiżna huwa impenjat sabiex jiġġieled din il-kriminalità.  Qal li l-laqgħa saret sabiex x-xogħol li qed isir f’pajjiżna jidher anke barra minn xtutna u għalhekk ħadd ma jitħalla jagħti impressjoni żbaljata ta’ Malta.

“Kellna llum il-ġurnalisti minn midja internazzjonali ta’ ċertu kalibru, u biex nuruhom illi l-għajdut politiċi minn ċertu bnadi m’humiex veritiera.  Malta qed tagħmel effort kbir, u nisperaw illi fil-futur inkunu nistgħu nuru l-frott ta’ dan ix-xogħol li qiegħed isir.”  

Quddiem midja lokali u internazzjonali, ingħata wkoll rendikont tal-inizjattivi li saru mill-kumitat nazzjonali għall-kordinazzjoni, l-FIAU u l-MFSA sabiex il-ġlieda ta’ pajjiżna kontra l-ħasil tal-flus tkompli tiħrax.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend