Opportunità biex iżżur it-tempji ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra fi nżul ix-xemx – One News

Notifiki

Opportunità biex iżżur it-tempji ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra fi nżul ix-xemx

Heritage Malta qegħda toffri opportunità mhux tas-soltu lill-pubbliku sabiex jesperjenza l-park arkeoloġiku ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra fi nżul ix-xemx. 

Din l-attività ser issir il-Ġimgħa 5 ta’ Lulju, li tinkludi żjara fiż-żewġ siti preistoriċi ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra kif ukoll il-pajsaġġ Mediterranju madwar is-sit mogħni bi fdalijiet storiċi fosthom il-Bjar tal-Misqa, il-Mafkar ta’ Congreve u t-Torri tal-Ħamrija.

Il-kuraturi se jdawru lill-viżitaturi li se jkollhom opportunità mhux tas-soltu li jesploraw u jifhmu f’iktar dettal dawn is-siti, anka minħabba li f’dan il-ħin, il-park ma jkunx miftuħ għall-bqija tal-pubbliku. Se jsiru żewġ żjarat fl-istess ħin, waħda bil-Malti u l-oħra bl-Ingliż.

Fi tmiem iż-żjara jkun hemm riċeviment żgħir fiċ-Ċentru tal-Viżitaturi ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra. Il-viżitaturi għandhom ikunu fil-parkeġġ tas-sit fis-6.00pm fejn jiltaqgħu ma’ rappreżentant ta’ Heritage Malta.

Il-biljetti, għall-prezz ta’ €20 għall-adulti, anzjani u studenti, u €15 għall-membri ta’ Heritage Malta u tfal, huma limitati u jistgħu jinxtraw mill-mużewijiet u s-siti ta’ Heritage Malta jew online.

Iktar tagħrif jinkiseb minn www.heritagemalta.org jew mill-paġna uffiċjali ta’ Facebook.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend