Aaron Mifsud jirbaħ l-ewwel midalja għal Malta f’Salzburg – One News

Notifiki

Aaron Mifsud jirbaħ l-ewwel midalja għal Malta f’Salzburg

Aaron Mifsud rebaħ l-ewwel midalja ghal Malta fit-22 edizzjoni tal-European Company Sport Games f’Salzburg, l-Awstrija meta l-Ħamis filgħodu huwa spiċċa t-tielet f’kateġorija C (40-49 sena) tal-5,000 metru biex rebaħ il-midalja tal-bronż f’din il-kategorija.

F’temp ferm sħun u xejn ideali għall-atleti, Mifsud għamel ħin ta’ 17-il minuta u 57 sekonda punt 08 biex kif ghidna kiseb it-tielet post f’kategorija C.

Darran Agius u Matthew Xuereb kellhom ħinijiet aktar veloci f’kategorija B (30-39 sena), jiġifieri 17-il minuta u 4 sekondi punt 45 u 17-il minuta u 37 sekonda punt 66 rispettivament, imma kellhom jikkuntentaw bir-raba’ u l-ħames post risettivament f’din il-kateġorija.

Anke Peter Azzopardi kiseb ħin tajjeb ta’ 18-il minuta u 30 sekonda punt 16 f’kateġorija D (50-59 sena), imma dan kien ir-raba’ l-aħjar ħin ukoll f’din il-kateġorija.

Il-Maltin kienu wkoll fl-azzjoni l-Ħamis fil-Badminton, Beach Volley u Bowling u kisbu riżultati pozittivi.

It-team open tal-Badminton rebaħ l-ewwel żewg logħbiet tiegħu bl-iskor identiku ta’ 3-1  kontra Ailes Sportives Airbus Helicopters ta’ Franza u BSG Allianz Koln Weiss-Blau tal-Ġermanja.

It-team 40+ tal-Badminton rebaħ l-ewwel logħba tiegħu 4-0 kontra Betriebssportgemeinschaft LBS West tal-Ġermanja.

Fil-Beach Volley, it-team tal-irgiel fit-tournament 40+ rebaħ tnejn minn tliet logħbiet biex spiċċaw tliet teams indaqs, imma bil-goal difference, it-team Malti kkwalifika it-tieni post. It-team Malti ffurmat minn David Mario Caruana u Angelo Bonello rebaħ kontra Nolowil (Franza) u SV Weiss Blau Allianz Hamburg (Ġermanja) u tilef kontra AS Arenes (Franza).

It-team tal-Beach Volley tan-nisa ffurmat minn Maria Caruana Demicoli u Isabel Cutajar spiċċa t-tieni fil-grupp tiegħu u għadda ghall-fażi li jmiss. Huma rebħu kontra Kalev Swedbank (Estonja) u BSG Provinzial Munster (Ġermanja) u tilfu kontra Zveza USZP (Slovakkja).

Fil-Bowling qed jieħdu sehem żewg teams Maltin fil-kategorija Open. It-team tal-Malta International Airport spiċċaw l-ewwel minn fost sitt teams fi Grupp H, waqt li t-team tal-Bank of Valletta spiċċaw it-tieni minn sitt teams ukoll fi Grupp I. B’hekk it-tnejn li huma għaddew għat-tieni fażi tal-kompetizzjoni fejn se jkunu qed jieħdu sehem 36 team minn 100 li bdew il-kompetizzjoni.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend