Uffiċjali mid-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili fi ħdan l-Awtorità Transport Malta lbieraħ f’Lisbona, fil-Portugal, iffirmaw Memorandum of Understanding mal-Awtoritajiet Brażiljani dwar servizzi tal-ajru bejn iż-żewġ pajjiżi u kooperazzjoni ajrunawtika bejn l-awtoritajiet taż-żewġ pajjiżi. Malta u l-Brażil bdew ukoll Air Services Agreement bejn iż-żewġ gvernijiet.
Permezz ta’ dan il-ftehim iż-żewġ partijiet laħqu qbil fuq qafas regolatorju komuni li jippermetti servizzi tal-ajru bejn Malta u l-Brażil. Dan se jkun qed jiftaħ aktar opportunitajiet bejn l-linji tal-ajru taż-żewġ pajjiżi u investituri Maltin u Brażiljani permezz ta’ rotot aħjar li jgħaqqdu lil pajjiżna mal-Brażil.
Fil-kummenti tiegħu l-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, Ian Borg, qal li din hija aħbar pożittiva oħra għall-qasam tal-avjazzjoni li qed iħalli ġid kbir fl-ekonomija ta’ Malta. Dan il-pass huwa parti mill-istrateġija tal-Gvern li jkompli jkabbar il-konnettività ta’ Malta mal-bqija tad-dinja. Min naħa tiegħu d-Direttur Ġenerali għad-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili, l-Kaptan Charles Pace, qal li bħalissa għaddeja ħidma wkoll ma’ pajjiżi oħra tal-Amerika t’ Isfel bħal Kolumbja, Ċili u Arġentina.