Bdew ix-xogħlijiet fuq il-faċċata tat-Tramuntata tal-Knisja Parrokkjali taż-Żejtun.
Dan ħabbru l-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici, meta t-Tlieta filgħodu żar l-istess knisja.
Ix-xogħol li qed isir huwa t-tieni fażi tal-proġett, hekk kif is-sena l-oħra kienu rrestawrati tmien mija u disgħin metru kwadru tal-faċċata tan-Nofsinhar.
Il-Minsitru għall-Kultura Owen Bonnici qal: “Din hija t-tieni fażi tar-restwar tal-katidral tal-lvant taż-Żejtun fejn qed naraw illi issa l-parti tat-tramuntana tiġi restawrata taħt is-supervizjoni tad-direttorat tar-restwar. Dan huwa xogħol importanti ħafna għaliex il-bżonn ta’ restwar Dan huwa xogħol importanti ħafna għaliex il-bżonn ta’ restwar fuq dan il-katidral kien kbir.”
Qal ukoll li d-Direttorat tar-Restawr għaddej b’għadd ta’ proġetti biex jirrestawra binjiet storiċi li jinsabu madwar Malta, speċjalment dawk li għandhom sinjifikat storiku kbir.
Il-faċċata tal-knisja li qed tiġi rrestawrata bħalissa hija kkaratterizzata minn partijiet estensivi ta’ tkabbir bioloġiku. Hija l-aktar faċċata ppreservata, minħabba li hija l-inqas waħda esposta għal tixrib u tnixxif.
B’rabta mal-proġett taż-Żejtun, l-Arċipriet Dun Pace radd ħajr u wera apprezzament għax-xogħol li qed isir.
“Napprezzaw meta jkun hawn xi ħadd li jieħu l-iniżjattiva propju biex jirrestawra dawn il-monumenti. Mhux possibli għal knisja bil-meżżi li għandha ilhi tirrestawrha monumenti kbar bħal dawn.”
Id-Direttorat tar-Restawr diġà ħadem f’sebgħin fil-mija tal-lokalitajiet ta’ pajjiżna.