Ivan Bartolo jippreżenta mozzjoni b'200 firma kontra Adrian Delia | One News

Notifiki

Ivan Bartolo jippreżenta mozzjoni b’200 firma kontra Adrian Delia

Il-membru tal-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Ivan Barolo ppreżenta petizzjoni kontra l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia biex fi żmien ġimgħa jitlaqqa’ Kunsill Ġenerali Straordinarju li matulu jittieħed vot sigriet ta’ sfiduċja fil-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.

Qabel ġiet preżentata din il-petizzjoni ffirmata minn mitejn kunsillier Nazzjonalista, ħamsin aktar minn dak meħtieġa biex jissejjaħ Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, in-negozjant u l-eks kandidat Nazzjonalista Ivan Bartolo qara stqarrija li fiha fisser ir-raġunijiet tal-petizzjoni.

B’pompa liema bħala u b’sentiment li l-petizzjoni kontra Delia qabdet u niżlitlu għasel, Bartolo qal li kieku baqgħu sejrin bil-petizzjoni kienu jiġbru iżjed firem kontra Delia.

“Huwa ta’ pjaċir li jiena ninfurmakom li f’temp ta’ jumejn biss inġabru mitejn firma, jiġifieri aktar mill-mija u ħamsin firma meħtieġa mill-istatut tal-partit biex jiltaqa’ l-Kunsill Ġenerali u sabiex titressaq proposta għall-vot. U kieku bqajna għaddejin, u kieku bqajna għaddejin niġbru l-firem jien m’għandiex dubju li konna niġbru iżjed.”

F’lingwaġġ fejn prova jagħti l-impressjoni li ma jeżistux fazzjonijiet fil-Partit Nazzjonalista, Ivan Bartolo qal li hu għandu isem ieħor denju għal kap tal-partit iżda għalissa qed jagħżel li jżommu għalih.

Bl-eks President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Mark Anthony Sammut warajh, jissuġġerilu fejn jeħel, Ivan Bartolo kellu miegħu wkoll lis-Segretarju tal-Moviment Żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista Emma Portelli Bonnici u Emvin Bartolo, Kunsillier Nazzjonalista fil-Mellieħa.

Il-membru tal-eżekuttiv Nazzjonalista, Ivan Bartolo ta wkoll indikazzjoni li l-fazzjoni ta’ Simon Busuttil mhux se ċċedi, anki jekk mill-kamp ta’ Delia qed tiġi imbuttata l-idea li l-kap ma jistax jitneħħa mill-Kunsill Ġenerali.

Bartolo saħaq li jekk ta’ Delia se jibqgħu jippersistu, allura fil-Partit Nazzjonalista ma teżistix demokrazija.

“Jiena ma nemminx li jekk illum għandna l-mija u ħamsin firma, anzi għandna mitejn firma u l-istatut jagħmilha ċara, jitkellem iżjed Mark. Jekk imbagħad ma jitlaqqax, allura imbagħad lanqas hawn m’hawn demokrazija.”

Fi tmiem li indirizza lil midja, Ivan Bartolo u t-t-tlett min-nies l-oħra li ħa miegħu daħlu fid-Dar Ċentrali biex jippreżentaw il-petizzjoni.

Lanqas laħqet għaddiet nofs minuta li ma ħarġux ‘il barra hekk kif huma tefgħu l-pakkett li kellhom bil-petizzjoni fir-reception li hemm qrib id-daħla tal-istamperija u dlonk lebbtu ‘l barra.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend