Il-Kunsill tal-Ewropa se jerġa’ jilqa’ fi ħdanu bħala membru bid-drittijiet kollha lir-Russja. Dan wara li ħames snin ilu r-Russja kellha d-dritt tal-vot tagħha, fil-Kunsill tal-Ewropea, sospiż għal dak li ġara fil-penisula tal-Krimea. Dan wara li r-Russi daħlu fit-territorju ta’ pajjiż ieħor, l-Ukraina, u saħansitra ntqatlu n-nies.
Fil-fatt, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Ukraina fil-plenarja ta’ dan il-Kunsill, Vlodomyr Ariev, qal li d-deċiżjoni tibgħat messaġġ ħażin ħafna kemm lir-Russja u anke lill-pajjiżi oħra. Messaġġ li tista’ tagħmel attroċitajiet u kollox jgħaddi qisu xejn mhu xejn.
L-assemblea vvotat favur l-inklużjoni tar-Russja mill-ġdid b’118 il-vot favur u 62 kontra. Kien hemm għaxar pajjiżi li astjenew. Dan il-vot nissel kritika qawwija minn ċerti organizazzjonijiet dwar kif il-Kunsill tal-Ewropea, li jirrapporta dwar il-pajjiżi membri fuq id-drittijiet tal-bniedem, jista’ jkun kredibbli meta mbagħad jagħlaq għajnejh għal affarijiet bħal dawn. Oħrajn qalu li aħjar din is-soluzzjoni milli r-Russja thedded li titlaq mill-Kunsill tal-Ewropa kieku ma ngħatatx dan il-vot mill-ġdid.
Ir-Russja huwa l-pajjiż li għandu l-iktar każi quddiem il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem.