Il-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika qalet li tinsab imħassba serjament dwar l-attitudni li qed taffettwa kif qed jiġu investigati każijiet u deċiżi sentenzi fil-qrati f’dan ir-rigward.
Fi stqarrija, il-Kummissjoni sostniet li qed jiġu lliberati nies minħabba l-fatt li l-vittma tkun għażlet li ma tixhidx kontra l-aggressur. Dan għax il-vittma, ħafna drabi tkun qed issirilha pressjoni biex tagħmel hekk jew mill-aggressur innifsu jew minn persuni oħrajn.
Sostniet li skont il-liġi l-ġdida, it-tkomplija tal-każ m’għandhiex tiddependi biss fuq ix-xhieda tal-vittma.
Għaldaqstant, il-Kummissjoni qalet li hija mħassba serjament li l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet li għandhom is-setgħa u d-dmir li jaraw li ssir ġustizja u tingħata protezzjoni, għadhom iqiesu l-vjolenza domestika b’mod leġġer.
Il-Kummissjoni appellat li din l-attitudni, li tmur kontra l-liġi, tinbidel minnufih biex isir infurzar effettiv tal-liġi.
Il-Kummissjoni fakkret li l-vjolenza domestika huwa reat pubbliku u li jaffettwa lis-soċjetà kollha.
Qalet li d-deċiżjonijiet għandhom jirriflettu l-gravità tar-reat u sostniet li dan għandu jgħin biex is-soċjetà tindirizza l-vjolenza domestika b’mod serju u mistħoqq, għall-ġid taċ-ċittadini kollha.