Il-Partit Laburista ħabbar li ntlaħaq ftehim dwar it-tmexxija tal-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ Għawdex fil-ħames snin li ġejjin.
Dan wara li fl-elezzjoni tal-25 ta’ Mejju li għadda, il-kunsill elett huwa magħmul minn żewġ kunsillieri f’isem il-Partit Laburista, żewġ kunsillieri f’isem il-Partit Nazzjonalista u kunsillier indipendenti.
Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li l-ftehim se jwassal biex matul il-ħames snin li ġejjien ikun implimentat il-manifest elettorali tal-Partit Laburista.
Il-kunsillier indipendenti Nicky Saliba se jservi bħala Sindku fl-ewwel nofs tal-leġiżlatura u l-kunsilliera Marlene Cini sservi bħala Sindku fit-tieni nofs tal-leġiżlatura.
Marlene Cini se sservi bħala Viċi Sindku fl-ewwel nofs tal-legiżlatura, filwaqt li Sandra Grech se sservi bħala Viċi Sindku fit-tieni nofs tal-leġiżlatura.
Il-Partit Laburista qal li dan il-ftehim intlaħaq fl-aħjar interess tal-lokal, b’mod li tkun assigurata tmexxija stabbli u denja għall-ġid tar-residenti taż-Żebbuġ u Marsalforn.
Sostna li bl-implimentazzjoni tal-manifest elettorali tal-Partit Laburista qed tkun assigurata qabża fil-kwalità tal-lokal, bi proposti ambizzjużi u bżonnjużi għall-komunitajiet taż-Żebbug u Marsalforn.
Qal li l-ftehim tħabbar għall-benefiċċju tar-residenti u għall-fini ta’ trasparenza. Dan b’mod li tingħata ċ-ċertezza neċessarja għall-Kunsill Lokali biex jopera b’mod adekwat.