L-elezzjoni għall-postijiet battala fl-istrutturi tal-Partit Nazzjonalista se jkunu battalja diretta bejn iż-żewġ fazzjonijiet ewlenin li bħalissa jeżistu fil-partit.
Dik ta’ Adrian Delia, il-kap preżenti u dik ta’ Simon Busuttil, l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Wara riżenji li kien hemm f’nofs kriżi li ħakmet l-oppożizzjoni t-Tlieta f’nofsinhar għalqu n-nomini għall-karigi ta’ President tal-Kunsill Amministrattiv, tal-Kumitat Eżekuttiv u terżorier tal-partit.
Għall-President tal-Kunsill Amministrattiv, post li ħallih battal David Stellini, qed jikkontestaw Graham Bencini u Carmelo Mifsud Bonnici.
Graham Bencini huwa President tal-Forum tal-professjonisti fil-Partit Nazzjonalista u kien fost dawk li mexxew il-petizzjoni kontra l-Kap Adrian Delia. Bencini hu imbottat minn nies bħal Jason Azzopardi u Karol Aquilina.
Carm Mifsud Bonnici huwa deputat veteran tal-Partit Nazzjonalista li fih Adrian Delia jsib spalla fil-grupp parlamentari u issa qed jittama li jirbaħ din l-elezzjoni biex isib l-appoġġ tiegħu f’kariga oħra importanti.
Għall-post ta’ President tal-Eżekuttiv li ħalla battal Mark Anthony Sammut, li rriżenja mill-kariga wara kunflitt mal-fazzjoni ta’ Adrian Delia, qed jikkontestaw Alex Perici Calascione u Graziella Attard Previ.
Calascione kien it-teżorier tal-Partit Nazzjonalista fi żmien Simon Busuttil u l-iskandlu tal-invoices foloz. Wara l-elezzjoni tal-2017 ikkontesta għall-kap tal-partit. Peró tilef dik l-elezzjoni meta lanqas għadda għall-fażi finali.
Lil Perici Calascione qed tikkontestah Graziella Attard Previ li hi kunsillier tal-Partit Nazzjonalista.
Huwa biss għall-kariga tat-teżorier li m’hemmx iktar minn kandidat wieħed. Xi ħaġa li mhix sorpriża meta wieħed jiftakar fil-qagħda li jinsab fiha l-Partit Nazzjonalista. Għal din il-kariga qed jikkontesta Charles Selvaggi. Selvaggi ried isir Sindku tal-Imsida iżda fallielu meta l-Partit Laburista reġa’ rebaħ il-maġġoranza u hu sar kunsillier.
Nhar il-Ħadd li għadda l-gazzetta KullĦadd żvelat li dawn nomini li qed iżidu l-inkwiet u l-mod kif il-fazzjonijiet marru f’konfront dirett jikkonferma dan.
L-elezzjoni se ssir fl-4 ta’ Lulju.