L-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) fi stqarrija qed twissi lill-pubbliku inġenerali li l-provvista tal-gass domestiku f’Malta hu ‘LPG’; taħlita ta’ butan u ta’ propan.
L-Awtorità qalet li sabet każi fejn ir-regolaturi għall-gass maħsuba biss għall-butan qed jinbigħu flimkien ma’ heater tal-gass jew tal-BBQs.
Konsumaturi li qed jużaw regolaturi maħsuba għall-butan biċ-ċilindri tal-gass domestiċi (LPG) għandhom jieqfu jużawhom immedjatament. Għaldaqstant, dawn ir-regolaturi tal-butan għandhom jiġu rritornati lill-bejjiegħa minn fejn inxtraw. It-tip tar-regolatur tal-gass hu indikat fuq il-pjanċa li tinstab fuq in-naħa ta’ fuq tar-regolatur.
Għal aktar informazzjoni jew mistoqsijiet, wieħed jista’ jikkuntattja lill-MCCAA fuq marketsurveillance@mccaa.org.mt.