Id-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo qal li ma jrid ipaxxi lil ħadd u dak li għandu xi jgħid imur jgħidu f’ras il-għajn.
Bartolo kiteb dan fil-Mument tal-Ħadd meta kien qed jitkellem dwar il-qagħda fil-Partit Nazzjonalista bħalissa.
“Ħasra li wħud minn ħutna Nazzjonalisti jpaxxu lil dawn, biex ikollhom iktar x’jirrakkontaw u x’jippreżentaw fuq il-mezzi ta’ komunikazzjoni tagħhom,” kiteb Ivan Bartolo li għajjar buffi lill-preżentaturi li ma jaqblux miegħu.
Fil-fatt kiteb li ma jirremettix, ma jiżvogax u ma jaqlax minn fuq l-istonku minħabba dawn il-preżentaturi.
“Mal-għabex preżentatur jilbes ta’ buffu biex joqgħod idaħħak lit-telespettaturi tiegħu b’dak li jingħad minn esponenti Nazzjonalisti,” qal Bartolo.
Iżda, imbagħad Ivan Bartolo stess kellu jammetti li fil-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista ftit li xejn tista’ titkellem. Għax dak li tgħid jispiċċa mxerred ma’ kull rokna tal-pajjiż.
“Avolja hawn tispiċċa tiżgarra għax xi wħud b’mod imprudenti joħorġu fil-beraħ dak li jingħad hemm ġew,” kiteb Bartolo.
Id-deputat Nazzjonalista qal li “dawk il-leakages ġejjin minn fejn ġejjin, qed jagħmlu ħsara kbira lill-Partit.”