Fi stqarrija Ministerjali, il-Ministru Ian Borg ħabbar kif għada l-Gvern se jkun qed jippubblika numru ta’ regolamenti ġodda li se jħarsu d-drittijiet ta’ terzi fil-qasam tal-kostruzzjoni.
Il-Ministru Borg qal kif fit-13 ta’ Ġunju 2019, wara numru ta’ incidenti fuq siti ta’ kostruzzjoni, il-gvern issospenda kull xogħol ta’ demolizzjoni u skavar sakemm jidħlu fis-seħħ regolamenti ġodda.
Għalhekk fis-17 ta’ Ġunju 2019, ħarġu r-regolamenti għall-konsultazzjoni pubblika. Wara ġimgħa fejn il-pubbliku kellu l-possibilità li jressaq għall-attenzjoni kummenti u suġġerimenti, għada l-Gvern ser ikun qed jippubblika numru ta’ regolamenti bl-iskop li dawn jassiguraw li qabel ma jinbeda xi tip ta’ xogħol ta’ demolizzjoni, skavar jew kostruzzjoni, għandhom jitħejjew metodoloġiji li huma teknikament sikuri sabiex jiġi minimizzat ir-riskju ta’ ħsara lil proprjetà ta’ terzi persuni jew korriment lil persuni li jistgħu jiġu kkawżati mix-xogħlijiet proposti.
Għaldaqstant, dawn ir-regolamenti ser jaraw li f’xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fejn il-perit tal-proġett ma jiċċertifikax li dawn mhux se jeffettwaw proprjetajiet ta’ terzi, għandu jkun hemm is-segwenti;
- Perit irid iħejji method statement li jindika kif se jipproċedu xogħlijiet ta’ demolizzjoni, skavar u bini. Il-perit huwa issa obbligat li jagħmel rapport dettaljat kif provdut fi Skedi 4, 5 u 6 ta’ dawn ir-regolamenti. Ix-xogħol jista’ jibda ġimgħatejn wara sabiex il-pubbliku jkun jista’ joġġezzjona u jitlob reviżjonijiet;
- Perit irid iħejji condition report dettaljat għall-proprjetajiet kontigwi għall-iżvilupp kif provdut fi Skeda 7 ta’ dawn ir-regolamenti. Ix-xogħol jista’ jibda gimgħatejn wara sabiex il-pubbliku jkun jista’ joġġezzjona u jitlob reviżjonijiet;
- Il-method statements se jkunu disponibbli online tramite l-eapps platform li diġà hi familjari mal-pubbliku;
- Se jkunu disponibbli wkoll online tramite l-eapps platform id-dettalji ta’ l-iżviluppatur, il-perit tal-proġett, il-perit/i li jħejju l-method statement, is-site technical officer/s, il-kuntratturi, is-sub-kuntratturi, il-health and safety supervisors u s-site manager li jrid jinħatar ai fini tal-Environmental Management Construction Site Regulations;
- L-Uffiċċju għar-Regolament tal-Bini iżomm id-dritt li l-informazzjoni mogħtija f’dikjarazzjoni ta’ metodu u rapport ta’ kundizzjoni tiġi vverifikata minn persuni independenti;
- Il-condition reports iridu jintbagħtu mill-perit tal-proġett lil dawk affettwati;
- Dak li sal-lum kien jissejjaħ ‘site manager’ u li kien tenut jara li l-method statement jiġi segwit mill-kuntrattur se jibda jissejjaħ “uffiċjal tekniku fuq is-sit” (site technical officer) u għandu jkun perit;
- Dil-persuna mhux se tibqa’ tiġi nnominata mill-iżviluppatur iżda mill-kuntrattur bl-approvazzjoni tal-perit tal-proġett. Tali persuna hi responsabbli għall-infurzar tad-dikjarazzjoni tal-metodu għax-xogħlijiet li jkunu responsabilita’ tal-kuntrattur li nnominah. Tali persuna trid tkun preżenti fuq is-sit kull meta jkunu qed jittieħdu deċiżjonijiet li jaffettwaw ir-riskju ta’ ħsara lil proprjetà ta’ terzi persuni jew korriment lil persuni li jistgħu jiġu kkawżati mix-xogħlijiet. Tali persuna għandha obbligu twaqqaf ix-xogħol u tinforma lill-perit tal-proġett u lill-Uffiċċju għar-Regolament tal-Bini meta l-method statement ma jkunx qed jigi segwit;
- Ir-responsabilità professjonali għad-dikjarazzjoni tal-metodu tibqa’ tal-perit li jħejjiha. Ir-responsabilità għall-infurzar tad-dikjarazzjoni tal-metodu għandha tkun tal-uffiċjal tekniku fuq is-sit, u l-implimentazzjoni tal-miżuri tad-dikjarazzjoni tal-metodu hija tal- kuntrattur;
- Issa, il-kopertura tal-assigurazzjoni m’għandhiex tkun inqas minn seba’ mija u ħamsin elf euro (€750,000) u għandha tibqa’ tiġi mġedda sa dak iż-żmien meta kull xogħol ta’ demolizzjoni, skavar jew kostruzzjoni jiġu ċertifikati bħala kompluti mill-perit tal-proġett;
- Se jiżdiedu il-penali għal min ma josservax id-dikjarazzjoni ta’ metodu minn massimu ta’ €500 għal €10,000;
- Se jiżdiedu il-penali għal min ma josservax ordni ta’ infurzar: minn massimu ta’ €1,200 għal €50,000;
- Ix-xogħlijiet ta’ skavar, demolizzjoni u kostruzzjoni li jkunu nbdew imma mhux lesti fid-data tal-25 ta’ Ġunju 2019 kif ukoll dawk ix-xogħlijiet ta’ skavar, demolizzjoni u kostruzzjoni li għad iridu jinbdew, jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-regolamenti. Essenzjalment, ifisser li għal kull sit iridu jinħatru l-persuni kompetenti relattivi u jiġu sottomessi l-condition reports u method statements kif jipprovdu dawn l-istess regolamenti.
Dawn ir-regolamenti ser jidħlu fis-seħħ minn għada l-25 ta’ Ġunju 2019.