Sajjied ta’ 71 sena minn Birkirkara tilef ħajtu tragikament fl-għodwa tal-Ħadd waqt li kien qed jistad fuq il-blat fiċ-Ċirkewwa.
Xhieda fuq il-post qalu lil one.com.mt li l-anzjan Karkariż għereq wara li għal xi raġuni waqa fil-baħar. Ir-raġel ittelgħa mill-baħar minn sajjieda li kienu fuq il-post.
Immedjatament fuq il-post issejjaħ tim mediku mill-Isptar Mater Dei u tim mill-Malta Red Cross, li minnufih bdew jagħtu l-ewwel għajnuna.
Fuq il-post marru t-tobba mill-emerġenza, Dr Michael Spiteri u Dr Jonathan Joslin, li r-raġel ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.
Dwar dan il-każ infetħet inkjesta, li hija mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Dr Caroline Farrugia Frendo li ħatret diversi esperti sabiex jgħinuha.
L-investigazzjonijiet tal-pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejin.