Petizzjoni sabiex Delia jsejjaħ Kunsill Ġenerali u jitlob vot ta’ fiduċja fih innifsu – One News

Notifiki

Petizzjoni sabiex Delia jsejjaħ Kunsill Ġenerali u jitlob vot ta’ fiduċja fih innifsu

Bħalissa fil-Partit Nazzjonalista qed iddur petizzjoni fost il-kunsilliera sabiex jitlaqqam Kunsill Ġenerali straordinarju u jintalab vot ta’ sfiduċja fil-Kap Adrian Delia. F’ittra li qed iddur f’kull struttura li għandu l-Partit qed jingħad li r-riżultati tal-elezzjonijiet li għaddew qed ipoġġu f’riskju serju lill-PN. Huma fakkru wkoll li l-PN tilef bl-akbar distakk mill-Indipendenza ‘l hawn.

Imbagħad huma kitbu li ġaladarba jinġabru l-150 neċessarji il-PN kellu ġimgħa ċans li jlaqqa l-Kunsill Ġenerali u jgħaddi vot fuq din il-mistoqsija: “wara r-riżultati miksuba mill-PN fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli lokali fil-25 ta’ Mejju 2019, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista għandu jerfa’ responsabbiltà politika. Iva jew le?”

Sorsi fi ħdan il-Partit Nazzjonalista kkonfermaw ma’ one.com.mt li din l-petizzjoni bdiet tiġi ccirkolata minn nies tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil. Is-sit Maltatoday rrapporta wkoll li sa ftit qabel nofsillejl tas-Sibt kienu kważi nġabru l-150 firma neċessarja. Jekk jinġabru l-firem kollha sal-Ħadd Li ġej Adrian Delia jkollok jerġa’ jċedi biċċa oħra u jlaqqa Kunsill Ġenerali, ħaġa li sa issa pprova evita li jagħmel.

Din il-petizzjoni kompliet tħarbat il-pjanijiet tal-Kap Adrian Delia li sa mill-għada tal-aħħar elezzjonijiet iffaċċja gwerra taħraq bejn il-fazzjoni tiegħu u ta’ Simon Busuttil. Minkejja li rebaħ vot fost it-83 membru tal-eżekuttiv b’rabta mas-siġġu li ġie vakat minn David Stellini Delia kien kostrett jerga’ jdoqq l-irtirata sabiex ta is-siġġu li rebaħ l-id il-leminija tiegħu Jean Pierre Debono lil Kevin Cutajar, kandidat Għawdxi li kellu s-sosten tal-fazzjoni ta’ Busuttil.

Delia kellu pressjoni kbira wkoll minn numru ta’ kumitati sezzjonali li wkoll talbuh jerfa’ r-responsabbiltà politika. Fost dawn il-kumitati hemm tal-Mosta, Raħal Ġdid u l-Mellieħa.

Il-ġimgħa li għaddiet Delia laqqa’ wkoll il-kumitat eżekuttiv u l-grupp Parlamentari b’rabta ma talbiet li kienu qed isirulu. Waqt il-laqgħa tal-eżekuttiv li ħadet is-sigħat kien kostrett jirriżenja Pierre Portelli, bastun ieħor ta’ Adrian Delia li kien fdat fit-tmexxija tal-media.link communication. Waqt din il-laqgħa taħraq li damet sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu nstemgha ammont kbir ta’ għajjat bl-ewro parlamentari David Casa deher ħiereġ infurjat mil-laqgħa. L-ghada Delia laqqa wkoll il-grupp parlamentari li matulu wkoll kien affaċċjat b’sejħiet sabiex jerfa r-responsabbiltà politika u jirriżenja.

Madankollu minkejja li sa issa Delia deher li salva l-attentati kollha fil-konfront tiegħu din il-petizzjoni mistennija ġġiegħlu jagħmel li ma jridx u se jkollu jitlob vot ta’ fiduċja fih innifsu. Vot li mhux se jkollu garanzija li jirbaħ.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend