Chris Bonett, kandidat għall-President tal-Malta Football Association, beda jippreżenta l-viżjoni tiegħu għall-futbol Malti lill-klabbs u l-assoċjazzjonijiet membri. Fil-fatt għal Chris Bonett dan tmiem il-ġimgħa huwa l-“manifesto weekend” fejn il-pjan għal futbol Malti qed ikun spjegat lill-protagonisti li jżommu ħajja l-logħba tal-futbol f’pajjiżna.
Bit-tema Klabbs fuq Nett il-pjan huwa wieħed ambizzjuż u fil-jiem li ġejjin se jkun spjegat ukoll lill-midja biex jitwassal ukoll lill-pubbliku.
“Dan il-programm fassaltu wara għadd kbir ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni mal-klabbs involuti. Illum għażilt li nibda niddiskutih ma’ dawk li jagħtu ħinhom u ħajjithom għal-logħba f’pajjiżna. In-nies li flimkien magħhom irid jitwettaq dan il-pjan ambizzjuż,” qal l-avukat Bonett wara waħda minn dawn il-laqgħat li kienu deskritti bħala pożittivi u interessanti. Chris Bonett sostna li hemm għatx kbir ta’ bidla fil-futbol Malti.
“Qed nikkontesta biex inġib il-bidla. Ċert li nistgħu niksbu iktar u nemmen li ninsab fl-aħjar pożizzjoni biex inġib il-bidla biex mill-kliem ngħaddu għall-fatti, fejn insiru professjonali u anke nibdew nirbħu. Jekk ma nemmnux ma naslux. U jien nemmen u għandi fiduċja li naslu.
Dan jekk jittieħdu d-deċiżjonijit li hemm bżonn u jitwettqu proġetti ambizzjużi,” qal Bonett.