In-negozjant Kris Bajada iddeskriva lil eks-ħatnu u l-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil bħala bniedem li sa minn żmien l-Università kellu attitudni li jiġġudika u jikkundanna u li kien jikkonsidra lilu nnifsu “holier than thou”.
F’memorji li jmorru lura madwar 30 sena ilu, meta hu, Busuttil u l-Kap preżenti Adrian Delia kienu jattendu l-Università fl-istess żmien, Bajada iddeskriva lil Busuttil bħala “a mummy’s boy”.
Saħaq li bejn il-karattri ta’ Busuttil u Delia hemm baħar jaqsam.
“Adrian kien sena qabli l-Università u f’kors differenti imma ċ-ċrieki tagħna dejjem kienu jaħbtu ma’ xulxin u malajr għamilna ħbieb. Hu kien fuq ruħu bħali, mentri Simon kien kompletament l-oppost,” qal Bajada.
Bajada qal li minkejja li huwa kien joħroġ ma’ oħtu Diana u eventwalment iżżewiġha, qatt ma kien viċin ta’ Busuttil.
Madanakollu, Bajada kompla jgħid li meta Busuttil tħajjar li jikkontesta għal Kap Nazzjonalista fl-2013, huwa kien ħeġġu biex ma jikkontestax għat-tmexxija.
Dan għax fil-fehma ta’ Bajada il-partit kien qiegħed jegħreq u jekk Busuttil jieħu t-tmexxija tal-partit, kullħadd kien se jittimbrah bħala l-bniedem li għerreq il-partit.
Ikun aħjar, qal Bajada lil Busuttil, li tħalli l-partit jegħreq imbgħad tidħol int u ssalvah.