BIL-FILMAT: 3 spazji teatrali jibbenefikaw minn miljun ewro f'fondi għal xogħol strutturali maġġuri | One News

Notifiki

BIL-FILMAT: 3 spazji teatrali jibbenefikaw minn miljun ewro f’fondi għal xogħol strutturali maġġuri

Tliet spazji teatrali se jibbenefikaw minn fondi għal xogħol strutturali maġġuri. Dan wara li saret evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet mressqa taħt it-tieni fergħa tal-Iskema ta’ Finanzjament ta’ Spazji Teatrali.

Il-Ministru għall-Kultura, Owen Bonnici, ħabbar kif dan sar permezz ta’ kollaborazzjoni sfieqa mal-Kunsill Malti għall-Arti u Teatru Malta. Il-Ministru Bonnici qal kif it-tliet spazji teatrali li se jkunu qed jibbenefikaw minn miljun ewro bejniethom kollha huma t-Teatru Salesjan f’Tas-Sliema, it-Teatru Pandora fiż-Żejtun u t-Teatru Blue Arena f’Ħaż-Żabbar.

Qal kif din kienet wegħda elettorali oħra li ġiet imwettqa fejn dawn l-inizjattivi tpoġġi fuq quddiem it-teatru fil-komunitajiet lokali biex ikollhom il-mezzi finanzjarji ħalli jwettqu titjib sinjifikanti fl-ispazji teatrali tagħhom.

“Ħloqna din l-iskema biex inkunu nistgħu ngħinu lis-soċjetajiet, għaqdiet, biex jirranġaw dawn it-teatri kif sippost u jagħtuhom ix-xogħlijiet strutturali li hemm bżonn.”

Qal li l-iskema b’mod ġenerali timmira li tiżgura li jkun hemm legat għall-istudju Spazji Teatrali – Katalgu għat-Teatri f’Malta li identifika u ġabar informazzjoni importanti dwar l-ispazji teatrali differenti madwar Malta u Għawdex.

Il-Viċi President tal-Każin tal-Banda taż-Żejtun qal kif dawn il-fondi, għall-każin, ifissru ħafna.

“Il-proġett tagħna huwa massiġġ. Għandna dan it-teatru li hu ġojjel fis-South ta’ Malta, huwa l-akbar wieħed fid-daqs tiegħu fis-south ta’ malta. Se nagħtu dan il-ġojjel lura lill-komunità biex jerġgħu jsiru dawn ir-rappreżentazzjonijiet fih.”

L-Inġinier, Julian Paul Scicluna, li hu wieħed mill-maniġers tal-proġett tal-każin tal-banda ta’ Ħaż-Żabbar, qal kif dawn il-fondi se jservu bħala nifs ġdid għall-każin ta’ Ħaż-Żabbar.

“Proġett ta’ restawr u ristrutturar tal-Blue Arena li jinsab f’Ħaż-Żabbar …. proġett tagħna se jinvolvi apparti r-restawr, se jsiru wkoll changing rooms taħt l-art, storage kbir bħala basement. Ħa jsir ukoll recording studio, ha ssir sala li se tintuża għat-tagħlim tal-mużika u taż-żfin u għandna proġett ambizzjuż ħafna.”

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend