The Travellers, Skald u Mistura fost it-talenti lokali f’Għanafest 2019 – One News

The Travellers, Skald u Mistura fost it-talenti lokali f’Għanafest 2019

The Travellers, Skald u Mistura, fost l-oħrajn, se jkunu qegħdin jagħtu spettaklu uniku waqt l-Għanafest ta’ din is-sena, li se tkun qiegħda ssir llejla 21 ta’ Ġunju u għada 22 ta’ Ġunju fi Ġnien l-Argotti fil-Furjana.

Il-Ministru Owen Bonnici żar l-aħħar preparamenti, fosthom il-provi ta’ The Travellers li se jkunu qed jagħtu spettaklu llejla fl-Argotti. Permezz ta’ festivals bħall-Għanafest, qegħdin nagħtu spazju xieraq lit-talent lokali biex jimraħ u jsaħħaħ il-karriera mużikali tiegħu, filwaqt li nkomplu nippromwovu l-aċċessibbiltà għall-avvenimenti kulturali Maltin ta’ kwalità għolja.

Festivals Malta fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, qed torganizza din l-edizzjoni tal-Għanafest, u għal din iis-sena ngħaqdet mal-Mediterranean Culinary Academy, li se torganizza sessjonijiet interattivi ta’ tisjir, fejn il-kokijiet se juru kif għandu jissajjar u jiġi ppreparat ikel tradizzjonali Malti.

Hemm ukoll pjanat zona għat-tfal, li se jkunu jistgħu jesperjenzaw logħob tradizzjonali Malti bl-intenzjoni li t-tfal preżenti jsiru iktar familjari mat-tradizzjonijiet Maltin li kienu mrobbija fih il-ġenituri u nanniet taghhom. L-Għanafest dis-sena ser jinkludi wkoll rokna letterarja fejn se jintqalu stejjer bid-djalett oriġinali, u radju dramm li żgur li se jqanqal ħafna memorji tal-passat.

Bħal f’edizzjonijiet preċedenti se jkun hemm ukoll wirjiet artiġjanali tipiċi Maltin li mhux biss se jkunu qed juru l-prodotti tagħhom imma se jipprovdu wkoll l-opportunità għall-viżitaturi biex jitgħallmu xi ħaġa fuq dawn is-snajja’ tipikament Maltin.

It-12-il edizzjoni ta’ Għanafest se tittella’ bejn il-21 u 22 ta’ Ġunju fi Ġnien l-Argotti fil-Furjana. Għal aktar informazzjoni u biljetti żuru www.kultura.mt

Ta’ QabelLi Jmiss