MICAS tiftaħ is-sajf b’ċelebrazzjoni ta’ artisti kontemporanji u x-xogħol tagħhom – One News

Notifiki

MICAS tiftaħ is-sajf b’ċelebrazzjoni ta’ artisti kontemporanji u x-xogħol tagħhom

Fil-lejl tal-21 ta’ Ġunju, Pjazza Kastilja se tinxtegħel bi projezzjonijiet viżwali fuq il-faċċata tal-Kavallier ta’ San Ġakbu f’ ċelebrazzjoni tax-xogħol ta’ artisti moderni u kontemporanji Maltin li kienu influenti fil-qasam. Din hija waħda mill-attivitajiet li se jagħtu bidu għall-MICAS Summer Celebration li tnediet mill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici.

“B’dan l-avveniment, MICAS diġà qiegħda twettaq il-missjoni tagħha li tenfasizza l-importanza u l-valorizzazzjoni tal-arti kontemporanja, kif ukoll tivvalida l-artisti Maltin u xogħolhom, permezz ta’ ċelebrazzjoni tal-artisti bħala ħallieqa innovattivi. Bħala gvern, aħna nemmnu b’li nagħmlu l-arti u l-kultura aktar aċċessibbli, u fil-fatt wieħed mill-objettivi tal-MICAS huwa li jkun hemm għarfien pubbliku usa’ dwar it-tifsir tal-arti viżiva fil-ħajja kontemporanja,” qal il-Ministru Bonnici.

“B’hekk, din iċ-ċelebrazzjoni għandha l-għan li tiġbed l-attenzjoni tal-pubbliku dwar l-andament tal-arti kontemporanja mill-perspettiva Maltija. Għandha l-għan ukoll biex tnissel aktar għarfien dwar l-importanza li jiġu ddokumentati x-xogħlijiet ta’ artisti kontemporanji prattikanti,” kompla jgħid Bonnici.

L-għan tal-kuraturi ta’ JUMPSTART: An Incomplete Timeline, Katya Micallef u Georgina Portelli, hu li permezz tal-projezzjonijiet iqabblu b’mod viżwali x-xogħlijiet tal-artisti Maltin li taw kontribut fl-iżvilupp tax-xena tal-arti kontemporanja f’pajjiżna f’kuntrast mal-avvenimenti nazzjonali u internazzjonali li seħħew fl-istess żmien. “Dan ix-xogħol se jesplora l-mixja tal-arti mill-ewwel dehra ta’ Malta fil-Biennale ta’ Venezja fl-1958 sal-parteċipazzjoni b’Homo Melitensis fl-2017. Essenzjalment iffukajna fuq ix-xogħlijiet ta’ artisti Maltin ta’ deċenji differenti pereżempju esplorajna x-xogħlijiet li nħolqu fi żmien il-gwerra bierda, fiż-żmien it-Tellieqa għall-Ispazju meta Malta bdiet tipprepara għall-Indipendenza, saret Repubblika u aktar riċenti meta dħalna fl-Unjoni Ewropea. Dan ix-xogħol jikkunsidra wkoll il-preżent fejn it-teknoloġija u l-midja soċjali qed jiddominaw il-ħajja kontemporanja,” spjegat Dr Portelli.

Dr Portelli żiedet li wara t-tnedija tal-MICAS f’Ottubru li għadda, bħala parti mill-istrateġija ta’ żvilupp tagħha, il-MICAS bdiet programm ta’ sensibilizzazzjoni li permezz tiegħu qed taħdem ma’ imsieħba oħra fis-settur kulturali u mal-komunità artistika b’mod ġenerali b’din iċ-ċelebrazzjoni sajfija tkun waħda mill-attivitajiet ta’ dan il-programm.

JUMPSTART: An Incomplete Timeline tingħaqad mat-tema ġenerali taċ-ċelebrazzjoni sajfija li għandha l-għan li tnissel sensibilità dwar l-importanza tad-dokumentazzjoni tax-xogħol ta’ artisti kontemporanji.

Għal dan l-għan, u f’konformità mal-għanijiet edukattivi tal-programm, MICAS stiednet lil Edith Devaney, kuratriċi tal-arti kontemporanja u l-Kap tal-Esebizzjoni tas-Sajf tar-Royal Academy of Arts f’Londra, sabiex taqsam l-esperjenza tagħha f’dan il-qasam fil-21 ta’ Ġunju fil-bitħa tal-MUŻA. Devaney se tkun qed titfa’ dawl fuq l-importanza li tkun iddokumentata l-arti kontemporanja u kif dan essenzjalment jgħin lill-istoriċi tal-arti, l-arkivisti u l-kuraturi tal-lum.

Waqt it-tnedija, l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Catherine Tabone qalet li, “l-Aġenzija tikkollabora mill-qrib mal-Organizzazzjonijiet Kulturali Pubbliċi sabiex flimkien joħolqu u jwettqu proġetti kreattivi ta’ kwalità ġewwa l-Belt. Permezz ta’ inizjattivi ta’ din ix-xorta, il-kultura ġewwa l-Belt tkun dejjem aktar varjata u aċċessibbli għal kulħadd. Din il-kollaborazzjoni se tagħti ċ-ċans lill-artisti, studjużi tal-istorja, kuraturi, studenti, u membri tal-komunità sabiex jiskopru aktar dwar l-arti kontemporanja f’pajjiżna u fil-Belt kapitali tagħna. Hemm diversi avvenimenti oħra maħluqa bejn l-Aġenzija u Organizzazzjonijiet Kulturali Pubbliċi varji li ser jittellgħu matul ix-xhur li ġejjin”.

Iċ-ċelebrazzjoni sajfija tal-MICAS qed tkun organizzata b’kollaborazzjoni mal-Agenzija Kulturali tal-Belt Valletta u bl-appoġġ ta’ Heritage Malta u Spazju Kreattiv. JUMPSTART: An Incomplete Timeline se tkun proġettata wkoll fuq Forti Sant’ Anġlu bejn il-21 ta’ Ġunju u d-19 ta’ Lulju.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend