Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia ppreżenta għaxar proposti lid-deputati Nazzjonalisti li huma rriċiklatti u diġà ħabbarhom sentejn ilu fit-tellieqa għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Sostnew dan id-deputati Nazzjonalisti mill-fazzjoni tal-eks kap Nazzjonalista Simon Busuttil.
Tal-istess fehma huwa Nicky Azzopardi, il-viċi President tal-MŻPN, il-Moviment Żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista, u impjegat mal-Ewro Parlamentari David Casa. Miegħu qabel id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.
Fuq Facebook, Nicky Azzopardi kiteb biex ma noqogħdux ninħbew wara subgħajna.
Qal li s-suppost għaxar proposti radikali li ppreżenta Adrian Delia, biex ma jerfax ir-responsabilità politika, m’humiex biżżejjed.
Nicky Azzopardi kiteb li dawn il-proposti huma vagi u rriċiklati minn wegħdiet li għamel sentejn ilu, sabiex Delia jkun jista’ jieħu l-poter u jsir Kap.
Azzopardi qal lil Delia sabiex jieħu nota tal-messaġġ li bagħatlu l-elettorat fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-kunsilli lokali.
“Jekk tagħmel mod ieħor huwa imprudenti u irresponsabbli”, qal Nicky Azzopardi lil Adrian Delia.
Jekk hemm perċezzjoni li għandek l-appoġġ, ejja narawh bil-fatti u mhux b’mod fittizju. Sejjaħ elezzjoni interna. Qal il-Viċi President tal-MŻPN lil Delia.
Ma’ dak li kiteb Nicky Azzopardi qabel id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi li għamel like fuq il-kitba tal-Viċi President tal-MŻPN.
Jason Azzopardi ikun wieħed mill-għaxar deputati li talab lil Delia sabiex jirriżenja fil-laqgħa taħraq tal-grupp parlamentari tat-Tlieta li għadda.