Il-Ħamis il-gvern se jħabbar miżuri li se jsaħħu l-istituzzjonijiet finanzjarji ta' pajjiżna | One News

Notifiki

Il-Ħamis il-gvern se jħabbar miżuri li se jsaħħu l-istituzzjonijiet finanzjarji ta’ pajjiżna

Il-Ħamis li ġej il-gvern se jħabbar pakkett ta’ miżuri li se jsaħħu l-istituzzjonijiet finanzjarji ta’ pajjiżna.

Qal dan il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna waqt is-67 laqgħa tal-kumitat konġunt kontra l-ħasil ta’ flus u ffinanzjar tat-terroriżmu tal-FIAU.

Huwa saħaq li b’dan il-pakkett ta’ miżuri l-gvern se jħares lejn istituzzjonijiet bħall-MFSA, l-FIAU, l-Asset Recovery Bureau, il-Pulizija u istituzzjonijiet oħra biex dawn jissaħħu fil-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu.

“Dal-pakkett qed nuru lid-dinja li ġara x’ġara qed inħarsu ‘l quddiem u se nuru li aħna pajjiż modern u kapaċi jiġġilied dil-kriminalità u l-money laundering li tmur magħha,” saħaq il-Ministru Scicluna.

Fid-diskors tiegħu, il-Professur Scicluna tkellem ukoll dwar il-bżonn ta’ qafas regolatatorju sensibbli li jkun kapaci jgħin l-istituzzjonijiet jirregolaw lilhom infushom, minflok iserrħu fuq regolatur wieħed ċentralizzat.

Tkellem ukoll dwar diversi rapporti dwar is-sistemi ta’ analiżi dwar il-ħasil ta’ flus, fosthom mal-MoneyVal u oħrajn. Sostna li f’ħamsa u għoxrin sena dawn ir-rapporti dejjem saru u għaddew mingħajr ma ġew illijkjati fl-ebda stadju.

Il-Professur Scicluna fisser kif il-leaks li seħħew dan l-aħħar biex issir ħsara lil pajjiżna kienu f’mument meta r-rapporti kienu fi stadju preliminari u meta l-gvern kellu l-opportunità li jindika ineżattezzi u żbalji fattwali.

“Il-pajjiż fejn għandu n-nuqqasijiet se jismagħhom u se jagħmel il-programm biex jindirizzahom, pero ħalli l-proċess isir. Dal-proċess kellu jispiċċa f’Lulju imma permezz ta’ leaks u dokumenti qed jippruvaw jippreġudikaw u jagħmlu ħsara l-pajjiż,” spjega l-Professur Scicluna.

Dwar il-passi li saru biex jiġi miġġieled il-ħasil ta’ flus, il-Professur Scicluna spjega li pajjiżna jinsab fil-proċess li jpoġġi fil-liġijiet Maltin ir-raba’ u l-ħames direttivi tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-ħasil ta flus.

“Qed nitkellmu dwar reġistri fejn ħadd ma jipprova jistaħba taħt ras jew oħra mill-awtoritajiet. Dawn mexjin u se nuru d-dinja, iva, aħna nwettqu mhux kif pprova jpenġina ħaddieħor,” iddikjara l-Ministru tal-Finanzi.

Filwaqt li sostna li kull ġurisdizzjoni fid-dinja jkollha sfidi ta’ ħasil ta flus, il-Ministru qal li huwa krucjali li pajjizna jkompli jressaq l-ikbar ammont possibbli ta’ każijiet għal prosekuzzjoni.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend