L-għada tal-mewt traġika ta’ Elisa Buhagiar ta’ għaxar snin mill-Imtarfa, f’inċident tat-traffiku fil-Mellieħa, sħaba fl-iskola St Joseph ta’ Blata l-Bajda daħlu lkoll maħsuda fil-klassi ma jistgħux jemmnu li tilfu ħabiba tal-qalb tagħhom li kienu jqattgħu ħafna ħin magħha fuq il-bank tal-iskola.
Elisa Buhagiar tilfet ħajjitha traġikament f’inċident tat-traffiku li seħħ għall-ħabta tal-ħamsa u nofs tal-Ħamis filgħaxija fi Triq il-Prajjiet, fil-Mellieħa.
Studenti u ġenituri li jafu sew lil Elisa jinsabu lkoll maħsuda, b’Elisa tkun deskritta bħal tifla li tħobb tgħin, eżemplari u dejjem bi tbissima.
L-iskola ħassret kunċert li kellu jsir il-Ġimgħa u li fih kellha tieħu sehem Elisa.
One News jinsab infurmat ukoll li fil-karozza mat-tifla kien hemm il-ħabiba tagħha Mattea Scerri, il-ħabiba tal-qalb tagħha li hija wkoll mill-Imtarfa u li fortunatament ma sofriet l-ebda ġrieħi minkejja l-gravità tal-inċident. Persuni li jafu sew lill-familja Buhagiar qalu lil one.com.mt li l-ħabiba tagħha qed tingħata għajnuna psikoloġika minħabba t-trawma li ġarrbet.
Intant ONE NEWS jinsab informat li l-Pulizija għadha għaddejja bl-istħarriġ tagħha biex tistabbilixxi d-dinamika ta’ kif seħħ l-inċident.
L-ewwel indikazzjonijiet juru li missier il-vittma tilef il-kontoll tal-vettura hu u nieżel in-niżla lejn Popeye Village. Dan bil-konsegwenza li baqa’ dieħel f’ċint baxx bil-karozza tinqaleb fuq is-saqaf. Il-karozza baqgħet titkaxkar għal madwar ħamsin metru u waqqfet ma’ karozza tal-għamla Nissan Leaf li kienet qed tinstaq quddiemha minn mara ta’ 35 sena mill-Mellieħa.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lil Elisa l-isptar Mater Dei. Hija ġiet iċċertifikata mejta ftit tal-ħin wara li waslet l-isptar. Ambulanza oħra ħadet lill-missier u lil ħabiba tagħha l-isptar.
Marru jagħtu l-għajnuna tagħhom ukoll il-Pulizija mill-Għassa tal-Qawra, tim mediku mill-Isptar Mater Dei u ħaddiema mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivli.
Bil-każ ġiet informata l-Maġistrat tal-Għassa Simone Grech li ordnat li ssir inkjesta u ħatret bosta esperti fosthom it-Tabib Mario Scerri u l-espert tekniku Mario Buttigieg biex jassistuha fl-inkjesta
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.