Liam Debono ġie ikkundanat ħames snin ħabs u mmultat ħdax-il elf ewro wara li nqabad isuq karozza mingħajr liċenzja u assigurazzjoni.
Il-każ seħħ fl-24 ta’ Mejju li għadda, meta Debono nqabad isuq bla liċenzja fl-inħawi ta’ Ħal Luqa.
Fis-sentenza tiegħu, il-Maġistrat Mifsud innota li x-xhieda tas-surġent Kevin Curmi kienet waħda preċiża u ddettaljata.
Fil-mument tal-arrest kien hemm Jason Zammit li kien miegħu fil-karozza fis-seat tal-passiġġier. Il-Qorti ordnat il-konfiska tal-vettura li kien qed isuq dakinhar Debono filwaqt li rrakomandat li l-Pulizija tinvestiga lil Jason Zammit.
Il-Maġistrat Mifsud faħħar lis-Surġent Kevin Curmi li minkejja li ma kienx xogħol b’mod uffiċjali huwa xorta kien responsabbli biex jissolva dan il-każ.
Il-Maġistrat Mifsud qal li se jikkomunika mal-Ministru għall-Intern Michael Farrugia u l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar biex is-Surġent Curmi jiġi rikonoxxut għal ħidma tiegħu nhar 12 ta’ Lulju f’Jum il-Pulizija.
Il-Maġistrat Mifsud ikkundana lil Debono ħames snin ħabs u multa ta’ €11,000. Il-Qorti ordnat li l-€10,000 f’depożitu u €40,000 f’garanzija personali li ħallas għall-ħelsien mill-arrest jgħaddu favur il-Gvern. Il-Qorti ordnat ukoll 10 snin projbizzjoni tal-liċenzja tas-sewqan minn meta Debono jispiċċa jiskonta s-sentenza.
Liam Debono huwa iż-żagħżugħ li kien tajjar lill-Pulizija tat-traffiku Simon Schembri f’Mejju tas-sena li għaddiet. Debono għaddej proċeduri separati fil-Qorti fil-każ ta’ attentat ta’ qtil tal-Pulizija.