Waqt li żar proġett infrastrutturali fejn sal-aħħar tas-sajf se jitlestew il-bandli pubbliċi f’Ħal Għaxaq, il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-llma Joe Mizzi qal li dan huwa gvern li qed jinvesti fi spazji pubbliċi għat-tgawdija tal-familja kollha.
“Illum qed naraw proġett kbir u ta’ importanza speċjalment f’din il-lokalità fejn għal bosta snin, ir-residenti ta’ Ħal Għaxaq kienu ilhom ħafna jħossu l-bżonn li jsir il-bandli”, qal il-ministru.
Waqt li kien akkumpanjat miċ-Chairman Eżekuttiv tal-Enemed Kevin Chircop kif ukoll mis-Sindku Darren Abela, huwa qal li jinsab kuntent b’dan il-proġett,fejn il-ftehim li xhur ilu kien biss fuq il-karti illum qed narawh jimmaterjalizza u jinsab għaddej b’ritmu tajjeb. Huwa feraħ lill-kumpanija Enemed li offriet li tgħin finanzjarjament lill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għaxaq biex dan il-proġett jitwettaq.
“L-Enemed temmen ħafna fil-kwalità tal-ħajja tar-resident u nfakkar li bħalissa jinsab għaddej bi proġett kbir, li se jkun qed jara r-rilokazzjoni tat-tankijiet tal-ħażna tal-fuel li hemm f’Birżebbuġa f’impjant f’Ħas-Saptan, impjant li huwa ‘l bogħod mir-residenzi u ‘l bogħod mill-periklu li kienu qed jgħixu fih in-nies”, qal il-Ministru Joe Mizzi.
Huwa fakkar li ftit tal-ġimgħat ilu, ġie inawgurat l-ewwel eco park f’pajjiżna fil-Kitchen Garden tal-Palazz tal-President u qal li s-sinifikat ta’ proġetti bħal dawnmhuwiex biss li jkollna żona rikreattiva iżda importanti li wara dan l-investiment, hemm ukoll l-aspett edukattiv sabiex igawdu minnu l-ġenerazzjonijiet ta’ warajna li huma wkoll il-futur ta’ pajjiżna.