Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar ir-4 edizzjoni ta’ festival b’mużika tas-snin tmenin u disgħin li se jkun organizzat f’Ħal Kirkop mill-Għaqda Mużikali San Leonardu – Sezzjoni Żgħażagħ. Għal darb’ oħra, il-festival se jittella’ b’risq il-Fondazzjoni Inspire.
Waqt it-tnedija, il-Ministru Bonnici tkellem dwar l-importanza ta’ dawn l-avvenimenti li jagħmlu l-kultura aktar aċċessibbli f’pajjiżna. “Grazzi għall-organizzazzjonijiet lokali, qegħdin inkomplu ninkoraġġixxu aktar parteċipazzjoni u inklussività fis-settur. L-istrateġija tagħna bħala Gvern hi niżguraw li nipprovdu kalendarju kulturali rikk lill-komunitajiet tagħna. B’dan il-mod qegħdin nressqu aktar festivals lejn il-lokalitajiet – xi ħaġa li qed issir aktar popolari kull sena – filwaqt li nagħtu s-sapport tagħna għall-avvanz ta’ aktar inizjattivi innovattivi bħal din,” kompla jgħid Bonnici. Hu kkonkluda billi rringrazzja l-organizzaturi, speċjalment minħabba li se jsir għall-kawża ġusta.
Għall-ewwel darba f’Malta, se jkunu qegħdin jafħtu spettakli Andre u Micha li huma tribute band tal-Modern Talking. Il-band jisimha Modern Talking Reloaded, u dawn l-artisti ilhom fix-xena mużikali u filfatt diġà kellhom bosta kunċerti madwar id-dinja.
Il-Festival se jittella’ fil-21 ta’ Ġunju fi Triq San Benedittu Ħal Kirkop bis-sehem ta’ DJs popolari Maltin, Alex Reflex Grech u Renato Vella li ser ikunu qegħdin idoqqu mużika mis-snin tmenin u disgħin rispettivament.
Filwaqt li dan il-festival huwa bla ħlas, kull donazzjoni lejn il-Fondazzjoni Inspire hija ferm apprezzata.