Tifla ta’ 10 snin mill-Imtarfa tilfet ħajjitha traġikament wara li l-Ħamis waranofisnhar kienet involuta f’ħabta li seħħet fi Triq il-Prajjiet, fil-Mellieħa.
L-inċident seħħ għall-ħabta tal-ħamsa u nofs fin-niżla bejn il-Manikata u Popeye Village.
It-tifla kienet riekba f’karozza ma’ oħtha ta’ tmien snin u missierha ta’ disgħa u erbgħin sena.
ONE NEWS jinsab informat li l-missier tilef il-kontoll tal-vettura hu u nieżel in-niżla lejn Popeye Village. Dan bil-konsegwenza li baqa’ dieħel f’ċint baxx bil-karozza tinqaleb fuq is-saqaf. Il-karozza baqgħet titkaxkar għal madwar ħamsin metru u waqqfet ma’ karozza tal-għamla Nissan Leaf li kienet qed tinstaq quddiemha minn mara ta’ 35 sena mill-Mellieħa.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lit-tifla l-isptar Mater Dei. Hija ġiet iċċertifikata mejta ftit tal-ħin wara li waslet l-isptar. Ambulanza oħra ħadet lill-missier u lil bintu l-oħra l-isptar fejn jidher li ma ndarbux b’mod gravi.
Marru jagħtu l-għajnuna tagħhom ukoll il-Pulizija mill-Għassa tal-Qawra, tim mediku mill-Isptar Mater Dei u ħaddiema mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivli.
Bil-każ ġiet informata l-Maġistrat tal-Għassa Simone Grech li ordnat li ssir inkjesta u ħatret bosta esperti fosthom it-Tabib Mario Scerri u l-espert tekniku Mario Buttigieg biex jassistuha fl-inkjesta
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.