L-Aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, id-DBRS ikkonfermat li fl-ewwel tliet xhur tas-sena, Malta kellha l-ikbar tkabbir ekonomiku fost il-pajjiżi msieħba fiż-Żona Ewro.
Fl-aħħar analiżi tagħhom tal-ekonomija Maltija, l-ekonomisti tad-DBRS qalu li t-tkabir ekonomiku ta’ pajjiżna żdied b’erbgħa punt tmienja fil-mija meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet.
Ir-rapport juri li t-tkabbir ekonomiku ta’ Malta fl-ewwel tliet xhur tas-sena jaqbeż dak irreġistrat fost il-pajjiżi kollha taż-Żona Ewro. Isegwu lil Malta, l-Estonja u l-Litwanja li rreġistraw it-tieni u t-tielet l-ogħla tkabbir b’4.6 fil-mija u t-tlieta punt tmienja fil-mija.
Min-naħa l-oħra, l-ikbar tliet ekonomiji fiż-Żona Ewro, jiġifieri dik tal-Italja, il-Ġermanja u Franza raw tkabbir ekonomiku marġinali.
Ir-rapport tad-DBRS jinnota wkoll li t-tkabbir ekonomiku fiż-Żona Ewro żdied b’0.4% fl-2019, żieda ta’ 0.2 fil-mija meta mqabbel mal-aħħar tliet xhur tas-sena li għaddiet.
L-ekonomisti tal-aġenzija tal-kreditu Kanadiża żiedu jinnotaw ukoll li f’April li għadda, Malta kellha t-tielet l-inqas rata ta’ qgħad fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Fil-fatt bi tlieta punt ħamsa fil-mija, Malta kellha t-tielet inqas rata ta’ qgħad. Kienu biss il-Ġermanja bi 3.2 fil-mija u l-Olanda bi 3.3 fil-mija li kellhom rati anqas ta’ qgħad minn Malta.
Ir-rapprot jinnota wkoll li r-rata medja ta’ qgħad fiż-Żona Ewro kienet ta’ 7.6 fil-mija, tnaqqis ta’ kważi wieħed fil-mija meta mqabbel mal-istess xahar is-sena li għaddiet.
Dwar ir-rata tal-inflazzjoni f’Malta ta’ 1.7 fil-mija, l-ekonomisti tad-DBRS qalu li din kienet fl-istess ilma taż-Żona Ewro.