Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ħabbret li l-Minsiteru għal Għawdex lesta d-disinn tal-masterplan tar-Ramla l-Ħamra biex jingħata bidu għal numru ta’ laqgħat mall-istakeholders kollha biex jiġi mfassal bl-aħjar mod possibbli.
Il-Ministru Caruana tenniet li l-bajja tar-Ramla l-Ħamra hi waħda mill-aktar bajjiet imfittxija f’pajjiżna u kien għalhekk li nħasset il-ħtieġa li l-Ministeru għal Għawdex jintervjeni biex ifassal masterplan dettaljat li jipproteġi s-sit u li jilqa’ għall-influss dejjem jikber ta’ viżitaturi. Il-Ministru Caruana qalet li d-disinn preliminari li qed jiġi propost jitlob studji serji u ser jiġi diskuss mal-istakeholders kollha ewlenin, fostom l-operaturi li jagħmlu użu minn din iż-żona. Il-Ministru għal Għawdex qalet li dan il-masterplan ser jikkunsidra dawn l-aspetti biex din il-bajja, filwaqt li tkun protetta, tkun ukoll preparata għall-ġejjini.
Il-Ministru Caruana, filwaqt li rrimarkat li din iż-żona hi ta’ importanza ekoloġika u storika għal Għawdex, saħqet li dan il-masterplan irid jipproteġi dan il-wirt naturali li jsawwar lil din iż-żona. Hija qalet li l-għan tal-masterplan hu li jindirizza l-isfidi eżistenti li hemm fis-sit tar-Ramla l-Ħamra ewlenin, fostom l-immaniġġjar aħjar tat-traffiku u t-titjib tal-faċilitajiet peress li l-bajja tar-Ramla hi waħda mill-bajjiet Blue Flag.
Il-Perit Frank Muscat, li hu inkarigat mill-proġett, assigura li l-footprint eżistenti mhux ser tinbidel u dan għax l-għan ta’ dan il-masterplan hu li jiġu indirizzati l-isfidi eżistenti u mhux li jkun hemm xi tip ta’ żvilupp f’din iż-żona hekk importanti u sensittiva.