Id-deputat Nazzjonalisti Chris Said u Karol Aquilina jridu li l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia jitlob vot ta’ fiduċja fit-tmexxija tiegħu.
Chris Said u Karol Aquilina huma żewġ deputati ewlenin mill-fazzjoni tal-eks kap Nazzjonalista Simon Busuttil li akkost ta’ kollox ma jridux lil Delia fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. Iż-żewġ deputati qegħdin isostnu li Adrian Delia għandu jerfa’ r-responsabbilità għaż-żewġ telfiet elettorali li ġarrab il-Partit Nazzjonalista.
Chris Said, li fit-tellieqa għal Kap tellaq kontra Adrian Delia, ħareġ fil-beraħ u f’kummenti ma’ Television Malta qal li Delia għandu jitlob vot ta’ fiduċja fit-tmexxija tiegħu.
Ma’ Chris Said ingħaqad Karol Aquilina li tefa’ pressjoni fuq Adrian Delia sabiex jitlob vot ta’ fiduċja fit-tmexxija tiegħu fil-Kunsill Ġenerali.
Chris Said u Karol Aquilina għażlu li jmorru jitkellmu mal-midja u jiddikjaraw b’mod ċar li Delia għandu jitlob vot ta’ fiduċja fit-tmexxija. Kliem li tennewh waqt il-laqgħa mqanqla tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista.
Iżda l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia akkost ta’ kollox ma jridx jitlob vot ta’ fiduċja fit-tmexxija tiegħu. Tant li din il-ġimgħa stess wara laqgħat jaħarqu fid-Dar Ċentrali, kompla jgħid li m’għandux bżonn jitlob vot ta’ fiduċja fit-tmexxija tiegħu.
Adrian Delia qiegħed jirrifjuta li jagħmel dan għax issa anki l-kumitati sezzjonali qegħdin jitolbuh jerfa’ r-responsabbiltà wara li flimkien mat-tmexxija Nazzjonalista wasslu lill-partit għall-ikbar żewġ telfiet elettorali fl-istorja tiegħu.
Fl-aħħar jiem, il-Kumitati tal-Partit Nazzjonalista tal-Mosta, Raħal Ġdid u l-Mellieħa ddiskutew is-sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalista u talbu sabiex Adrian Delia u t-tmexxija jerfgħu r-responsabilità.
Mal-kumitati, hemm ukoll l-MŻPN, il-moviment żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista, li wara li ħejjew r-rapport tat-telfa qalu li Delia għandu jirriżenja u lesti li jisfudċjawh mal-ewwel ċans.