Wara li fl-2014 għaddiet il-Youth Work Profession Act, u l-youth work sar jitqies bħala professjoni, ilbieraħ dan kien ikkonsolidat bl-għoti ta’ warrants lil tnax-il youth worker.
Waqt l-indirizz tiegħu s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima aċċenna għall-fatt li l-youth workers jagħmlu ħidma imprezzabbli maż-żgħażagħ u ħafna drabi jmorru barra minn triqthom sabiex jaqdu dmirhom.
L-għoti tal-warrants hija ċerimonja simbolika li però ser tkun qed tgħin biex tħares ukoll l-interess ta’ dawk li jaħdmu magħhom l-istess youth workers, iġifieri ż-żgħażagħ, kompla jgħid is-Segretarju Parlamentari.
Il-Youth Workers jaħdmu maż-żgħażagħ fil-komunitajiet, inkluż is-settur tal-volontarjat, u tappoġġjahom sabiex jirrealizzaw il-potenzjal tagħhom u jindirizzaw l-isfidi tal-ħajja b’mod kritiku u kreattiv biex iġġib bidla soċjali.
Il-warrant jiżgura l-istandards tax-xogħol maż-żgħażagħ kif ukoll jesiġi żvilupp professjonali kontinwu għal dawk li jipposjedu warrant. Barra minn hekk permezz tal-Att qed jinżamm reġistru uffiċjali tal-ħaddiema kollha taż-żgħażagħ reġistrati, u l-uffiċjali ta’ kull assoċjazzjoni u socjetà li taħdem maż-żgħażagħ. Minbarra hekk ser tkun ukoll investigata kull allegazzjoni ta’ imġieba ħażina, negliġenza serja jew inkompetenza mill-youth workers sabiex jitħarsu aktar iż-żgħażagħ speċjalment dawk vulnerabbli.