Karol Aquilina jgħid li Pierre Portelli jinsab iddisprat | One News

Notifiki

Karol Aquilina jgħid li Pierre Portelli jinsab iddisprat

Ftit minuti wara li l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia telaq mid-Dar Ċentrali, ħareġ Id-deputat nazzjonalista Karol Aquilina li mar fuq il-ġurnalisti u qalilhom li jrid jagħmel stqarrija.
Aquilina stenna lil Adrian Delia jitlaq sabiex ikun jista’ jiftaħ attakk fuq Pierre Portelli li ftit sigħat qabel il-laqgħa tal-grupp parlamentari, dan tal-aħħar wieġbu għall-attakk li fetaħ kontrih fuq Facebook dwar ħbiberija ta’ negozjant li kien fil-mira tal-fazzjoni ta’ Busuttil.

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina li ġej mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, spiċċa jiddefendi lill-blogger Manuel Delia f’kawża li kien fetaħ kontra l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista NET TV.

Fuq Facebook, l-eks kap tal-midja tal-Partit Nazzjonalista Pierre Portelli qal li bl-għemil tiegħu Karol Aquilina m’għandux mistħija.

Pierre Portelli u Karol Aquilina komplew bl-attakk li fetħu fuq xulxin.

Hu u dieħel għal-laqgħa tal-grupp parlamentari, Aquilina qal lill-ġurnalisti li Portelli huwa ħabib personali man-negozjant Yorgen Fenech. L-stess negozjant li d-deputat Nazzjonalista u President tal-Kunsill Ġenerali Kristy Debono marret titlob mingħandu kamra mingħajr ħlas għall-Partit Nazzjonalista.

Bi tweġiba għal din id-dikjarazzjoni Pierre Portelli qal li d- Karol Aquilina ilu jipprova jagħti din l-istorja ffabbrikata lil diversi kmamar tal-aħbarijiet.

Portelli kiteb li xhur ilu ta dettalji dwar ir-relazzjoni professjonali li dejjem kellu mal-Grupp Tumas, iżda l-ebda kamra tal-aħbarijiet ma ħasset li kellha tippubblikaha.

Portelli qal li issa għax Aquilina nqabad jaħdem kontra l-Partit Nazzjonalista kellu jgħidha hu biex jiddefendi l-ammissjoni li hu l-avukat tal-blogger ta’ Manuel Delia li ta’ kuljum jikteb kontra l-Partit Nazzjonalista u wasal biex anke daħħal lil Net TV l-qorti.

“Forsi hu u ħiereġ mill-Grupp Parlamentari Karol Aquilina jrid jgħid lill-ġurnalisti kif taħt il-Presidenza tiegħu tal-Kunsill Amministrattiv, il-Partit Nazzjonalista nqabad jieħu flejjes minn kuntratturi u l-partit għadu sal-lum jissielet biex inaddaf ismu quddiem il-Kummissjoni Elettorali”, qal Portelli.

Fakkar li dakinhar la rriżenja hu u lanqas ta’ fuqu, b’referenza ċara għall-ex Kap Nazzjonalista Simon Busuttil.

Huwa temm jgħid li hemm ħafna iżjed li Karol Aquilina għandu xi jwieħeb iżda sostna li “kollox f’ħinu”.

Hu u ħiereġ mill-laqgħa Karol Aquilina wieġeb lil Pierre Portelli u qallu li jinsab iddisprat, u l-ebda rikatt li jista’ jagħmillu mhu se jwaqqfu milli jkompli jitkellem.

F’intervista li ta lill-One News, Pierre Portelli akkuża lill-fazzjoni tal-eks Kap Simon Busuttil, fosthom lil Aquilina u lil Jason Azzopardi li tilfu r-raġuni u li akkosta ta’ kollox lesti jagħtu d-daqqiet bis-sikkina.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend