Il-Bank of Valletta introduċi ħinijiet tal-ftuħ ġodda għall-klijenti fil-fergħat tiegħu b’effett mill-1 ta’ Lulju 2019. Il-ħinijiet tal-ftuħ ġodda se jkunu kif ġej:
• Mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit-8.30 am sas-1.30 pm
• Is-Sibtijiet mit-8.30 am san-12.30 pm
It-tisrif taċ-ċekkijiet u l-ġbid tal-flus fil-fergħat jistgħu jsiru sa nofsinhar.
Barra minn hekk, kull nhar ta’ Ħamis, 18-il fergħa tal-BOV qed joffru ħinijiet itwal, mit-3.30 pm sas-6.00 pm. Matul dawn il-ħinijiet, il-klijenti jistgħu jiftħu kontijiet ġodda, jiddiskutu għażliet ta’ investiment, japplikaw jew jiksbu informazzjoni dwar il-prodotti tal-BOV bħal self għad-djar, self personali, kards ta’ debitu u ta’ kreditu u servizzi bankarji bl-internet. Dawn il-fergħat huma Ħ’Attard, Il-Balluta, Il-Fgura, Il-Ħamrun, Tal-Ibraġ, Marsaskala, Il-Mosta, In-Naxxar, Raħal Ġdid, Ħal Qormi, Ir-Rabat, Il-Belt Valletta (Triq ir-Repubblika), San Ġwann, Is-Siġġiewi, Ħaż-Żabbar, Iż-Żejtun, Iż-Żurrieq u Victoria Għawdex. Aktar fergħat se jkunu qed joffru dawn il-ħinijiet itwal fil-futur qrib.
Geoffrey Ghigo, il-Kap tan-Netwerk tal-Fergħat fil-Bank of Valletta qal li, ‘l-analiżi regolari u studji ta’ mudelli u mġiba tal-klijenti tgħinna nirfinaw is-servizz tagħna biex inkunu dejjem aktar rilevanti u konformi mal-ħtiġijiet tal-klijenti tagħna. Fid-dinja tal-lum, il-konsumaturi jistennew servizz aktar mgħaġġel, f’sigħat li huma aktar konvenjenti għall-istil tal-ħajja tagħhom. It-tibdil fis-sigħat tal-ftuħ se jipprovdi aktar ħin biex jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet tal-klijenti b’ rispons aktar rapidu u effiċjenzi akbar.’
Għal aktar konvenjenza u servizzi bankarji f’kull ħin tal-ġurnata, il-klijenti tal-Bank of Valletta jistgħu jagħmlu użu wkoll mill-firxa estensiva ta’ mezzi tal-Bank bħall-BOV Mobile, BOV Internet Banking, BOV Cards u ATMs.