Fl-2017, madwar żewg terzi tat-trattamenti għad-droga kienu f’każijiet ta’ dipendenza fuq l-eroina.
B’kollox kienu 1274 persuna li rrikorrew għat-trattament mill-eroina.
Dan ħareg waqt konferenza mtella mill-Fondazzjoni OASI li matulha ntqal ukoll li l-età medja tal-ewwel abbuż minn din is-sustanza hija ta’ 22 sena, bl-età medja tal-ewwel trattament ikun ta’ 31 sena.
Ħareg ukoll li fl-istess sena madwar 340 persuna fittxew trattament mill-kokaina.
L-iktar prevalenza komuni ta’ konsum ta’ dawn id-drogi kienu fir-reġjun tan-naħa ta’ isfel tal-port, b’iktar minn 34% tal-kazi f’pajjiżna jkunu rregistrati f’dan ir-reġjun.
Warajh segwa ir-reġjun tat-tramuntana tal-port, bi kwazi 31% tal-każi.
Fl-istess konferenza ġie nnutat li l-każijiet ta’ HIV relatati mal-użu tad-droga naqsu b’40% fl-aħħar għaxar snin.
Il-Ministru Michael Falzon sostna li fadal xi jsir biex tingħeleb il-problema tad-droga f’pajjiżna. Semma li għalkemm dan l-aħħar qed jiġi nnutat tnaqqis fil-konsum tal-eroina, qed jiżdied l-użu tal-kokaina u anke d-droga sintetika.
Huwa spjeġa li hemm bzonn kooperazzjoni bejn kulħadd, mill-Gvern sal-għaqdiet li jaħdmu ma’ dawk maħkuma mill-viżżju, ħalli tiġi affaċċjata realtà li qed tolqot lin-nies min età zgħira.