Sala ġdida f’Monte Carmeli li mill-Erbgħa se tilqa’ fiha 30 pazjent – One News

Notifiki

Sala ġdida f’Monte Carmeli li mill-Erbgħa se tilqa’ fiha 30 pazjent

Inawgurata sala ġdida f’Monte Carmeli – li mill-Erbgħa se tilqa’ fiha tletin pazjent anzjan u anzjana li jeħtieġu kura li tmur lil’hinn mis-saħħa mentali.

Id-Direttur tan-Nursing Vicky Sultana spjegat li dawn l-anzjani jkollhom bżonn għajnuna medika u fiżika, u f’dawn il-każi hemm infermiera mħarrġa li jagħtu kura speċjalizzata.

“Il-grupp ta’ pazjenti li ġejjin hawnhekk insejħulhom psycho geriatrics jiġifieri jkunu pazjenti anzjani li minbarra l-problemi ta’ saħħa mentali, ikollhom ukoll bżonnijiet mediċi jiġifieri dawn ikollhom bżonn għajnuna biex jagħtuhom jieklu, għajnuna biex jinħaslu li aħna ngħidulhom fin-nursing activities of daily living li minbarra s-sapport ta’ saħħa mentali, ikollhom bżonnijiet fiżiċi wkoll.”

F’waħda mill-kmamar moderni b’arja kkundizzjonata u tagħmir tal-ogħla livell, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, innota li wara deċenji ta’ nuqqas ta’ investiment fi sptar li jmur lura aktar minn mija u ħamsin sena, ġiet rinovata kompletament din l-ewwel sala.

Sala li permezz tagħha, tletin pazjent mhux biss se jkollhom post diċenti minn fejn jingħataw il-kura, iżda se jkun hemm sala oħra antika li tbattlet biex tkun tista’ tiġi rinovata wkoll.

Huwa qal ukoll li għaddej xogħol fuq sala oħra li se tinfetaħ xahrejn oħra, u sala ġdida li tispeċjalizza fil-fiżjoterapija.

Il-Ministru fakkar ukoll li sena u nofs ilu beda proċess ta’ rilokazzjoni għal pazjenti li jinsabu f’Monte Carmeli li m’għandhomx bżonn kura ta’ saħħa mentali.

“Sa issa rrilokajna 106 li ħafna minnhom qegħdin fi djar tal-anzjani għax saru anzjani imma m’għandhomx problemi ta’ saħħa mentali, u bħalissa għaddej proċess biex numru ta’ pazjenti li kienu ddaħħlu hawnhekk għexieren ta’ snin ilu imma qatt ma kellhom bżonn ta’ kura mentali, nagħtuhom il-kura li tixraqilhom ġo istituzzjonijiet oħrajn.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend