Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi u l-eks President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Mark Anthony Sammut kienu l-ewwel zewġ persuni li Pierre Portelli pponta subgħajh lejhom u akkużahom li qegħdin jagħmlu ħsara lill-Partit Nazzjonalista u lill-Kap Adrian Delia.
F’intervista esklussiva ma’ ONE News ta’ 40 minuta, Pierre Portelli qal li Jason Azzopardi, bħala d-deputat ma jistax jaqbad u jispara u jikteb kontra l-Partit Nazzjonalista fuq il-Facebook.
“Jason irid jgħin lilu inifsu ukoll ma jistax kull ħaġa li tiġri jaqbad u jispara,” saħaq Portelli.
Portelli qal li Azzopardi għandu jikkontrolla s-swaba’ tiegħu minn fuq il-midja soċjali. Izda jekk mhux se jagħmel hekk, Portelli qal li l-unika ħaġa li jrid jagħmel hi li jagħmel bħalu u jirrizenja.
“Ma naħsibx li d-deputat għandu jaqbad u jispara. Jekk trid tispara u tgħid li trid, ukoll trid toqgħod attent ta, għamel kif għamilt jien tibqax f’pożizzjoni ħalli tkun liberu u tgħid li trid,” sostna Azzopardi.
Innota dik li sejjaħ bħala ġennata ta’ Jason Azzopardi, li waqt li jaħdem kontra Adrian Delia, jappoġjah meta jiftaħ kawzi l-qorti kontra l-Gvern.
Portelli qal li Jason Azzopardi huwa eżempju ta’ kif ma għandiex nkunu fil-politika.
“Jien qiegħed insemmih bħala ezempju ta’ kif m’għandniex nkunu,” iddikjara l-eks Kap tal-midja Nazzjonalista.
B’dawn id-dikjarazzjonijiet stqarr li Azzopardi mistenni jkompli bl-attakki tiegħu fuq Facebook.
“Probabilita li meta jara din min jaf kemm se jikteb quotes,” qal Portelli.
Iżda Pierre Portelli pponta subgħajh ukoll lejn Mark Anthony Sammut u akkuzah li dan weġġa’ lill-Partit u qiegħed jagħti d-daqqiet lill-Partit Nazzjonalista.
“Ħa nsemmilek persuna li weġġgħetni ħafna, weġgħet lill-partit u s-sitwazzjoni finanzjarja – Mark Anthony Sammut, jirrizenja kellu kull dritt, imma jgħamillek ġimgħa fuq il-midja jagħti d-daqqiet lill-partit?” saħaq Portelli.