Mal-118-il student attendew għal attività mtella’ mill-klabb akwatiku ta’ Birżebbuga.
L-għan tagħha kien li tippromwovi l-isport tal-għawm kif ukoll u biex tidentifika dawk l-istudenti li għandhom il-potenzjal ikunu għawwiema professjonali li jikkompetu fuq skala nazzjonali u internazzjonali.
Din l-attività ta’ għawm kienet għall-istudenti tas-sitt sena mill-iskejjel Primarji taż-Żurrieq u Ħal Luqa, bl-ewwel sezzjoni bdiet fid-disgħa u kwart ta’ filgħodu u damet għaddejja tliet kwarti.
Kull sessjoni bħal din, se tkun mmexxija mill-għalliema tal-Edukazzjoni Fiżika u se jkun hemm b’kollox, sitt gruppi ta’ għaxar student.
Ma’ One News, l-istudenti sostnew il-benefiċċju ta’ dan il-programm.
Fit-tnedija ta’ din l-attività, is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Clifton Grima tkellem dwar l-importanza li t-tfal ta’ dawn l-inħawi jkollhom l-opportunità li jipprattikaw sport akwatiku b’rabta mal-istrateġija nazzjonali tal-isport.
“Ikompli jikkonferma kemm aħna nqisu li l-edukazzjoni hija pilastru ewlieni għall-isport ġewwa pajjiżna, fejn hemmhekk irridu naħdmu sabiex inħeġġu aktar tfal, aktar familji, aktar żgħażagħ jieħdu sehem f’dixxiplina sportiva jew oħra bil-għan li jkollna dak l-atleta li kapaċi jikseb livelli nazzjonali u għalfejn le jikseb anke unuri fuq livell internazzjonali”
Preżenti kien hemm ukoll il-ministru għall-kultura Owen Bonnici.